Lokali Qorti

Multa wara li darab mara bil-fork lifter li spiċċat fil-periklu tal-mewt

John Farrugia ta’ 59 sena mill-Mellieħa ngħata multa ta’ €3,000 mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li nstab ħati li kien traskurat meta saq fork lifter u darab mara wara li laqatha u kkaġunalha ġrieħi gravi tant li għamlet xi ħin fil-periklu tal-mewt.

Tabib fid-Dipartiment tal-Emerġenza qal li kellha diversi ġrieħi fosthom f’sieqha, f’rasha u ksur fuq in-naħa ta’ wara tal-iskutella.  Pulizija xehed fil-Qorti fejn qal li malli wasal fuq il-post sab mara mal-art quddiem ħanut tiġi mdewwija u lix-xufier tal-lifter ippanikjat u taħt xokk qawwi.

Tenna li aktar tard il-mara qaltilhom li kif ħarġet mill-ħanut biex taqsam it-triq ħarset fuq ix-xellug u l-lemin u rat il-lifter wieqaf bit-tgħabbija tax-xogħol. F’daqqa waħda rat il-fork lifter idur u ġej għal fuqha ta’ malajr u li ma tiftakar xejn aktar.

Il-mara qalet li wassalha żewġha biex tixtri u x’ħin ħarġet mill-ħanut bdiet tfittex il-karozza. Qalet li kienet faċċata u niżlet il-bankina u bdiet miexja bejn żewġ karozzi. “Kif qsamt insib ruħi fl-art f`nofs tat-triq. F’daqqa waħda ħassejtni ninqata’ mill-art u ppressata hawn mal-plastic, ma’ sidri. Imbagħad sibt ruħi fl-art saqajja miftuħa sa koxti miftuħa, imċarrta kollha mbagħad ħaduni l-isptar għal seba’ ġimgħat”.

Kompliet tgħid li spiċċat tagħmel erba’ operazzjonijiet u kellha tagħmel xahrejn id-dar tagħmel il-physio biex terġa’ timxi. Meta ġiet biex tiddeċiedi I-Qorti ħadet f’kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-Perit. Hu qal li l-imputat ma kellu lil ħadd jaralu quddiem u għalhekk waqt li hu ħares min-naħa, il-mara marret quddiemu mingħajr ma seta’ jaraha.

Ikkunsidrat ukoll l-mara ħarġet mill-ħanut minn bejn żewġ karozzi u kif l-imput naqas milli jkollu kontroll u jara d-dawra kollha tiegħu. Kien innotat li t-tgħabbija kienet tqila u għola mit-tul ta’ persuna. Ħareġ li s-sewwieq beda jħares mill-ġnub u ma kellux viżwal ta’ x’qed jiġri quddiemu. Għaldaqstant il-Qorti qalet li kienet responsabbiltà tiegħu li jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa u jassigura li jara quddiemu. Dan speċjalment meta wieħed iqis li kien qed isuq quddiem id-daħla ta’ ħanut.

F’dan l-isfond, il-Qorti qalet li l-inċident ġie kkawżat għax ix-xufier ma kienx qed jara quddiemu u għalhekk sabitu ħati li kien traskurat u li darab lill-mara. Huwa nstab ħati wkoll li sar riċediv. Huwa ġie kkundanant iħallas multa ta’ €3,000 u kellu l-liċenzji tas-sewqan sospiżi għal 30 ġurnata. Huwa ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.