Lokali Parlament

Nuqqas kbir ta’ charging stations għall-vetturi elettriċi


Rebekah Borg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet li l-għotjiet għal vetturi elettriċi jtaffu l-ispejjeż iżda hemm problemi dwar fejn se jkunu ċċarġjati dawn il-karozzi għaliex m’hemmx biżżejjed charging stations.


Hi sostniet li sal-2030 se jkun hawn 65,000 karozzi jaħdmu bl-elettriku li se jkollhom bżonn 6,500 charging stations, iżda bħalissa hawn biss 372 charging stations. Is-sitwazzjoni hi diffiċli bħalissa aħseb u ara meta l-vetturi elettriċi jiżdiedu. Dan il-proċess qed jimxi bil-mod wisq. Hemm problemi oħra dwar fejn qed ikunu allokati ċ-charging stations.


Rebekah Borg qalet li l-gvern mhu qed jagħmel xejn dwar diversi wirt storiku li għandu l-pajjiż fosthom Għar Dalam; li mill-2016 ‘l hawn ma sar xejn dwar dan is-sit u kien ippubblikat biss brief għaliex pjan m’hemm xejn.


L-istess sitwazzjoni hi dwar Għar Friefet, li jinsab fl-istess zona ta’ Għar Dalam u li ilu jeżisti miljuni ta’ snin. Ma sar xejn fuq diversi fortifikazzjonijiet fosthom Forti Binġemma li hi okkupata b’mod illegali minn diversi persuni. Il-gvern ma jridx jiżgombra lil dawn il-persuni mill-forti.


Dwar Forti Bengħajsa, hi qalet li hemm tliet kirjiet li waħda minhom hi illegali; suppost li l-persuni li qed jokkupaw kellhom 30 ġurnata minn Ottubru biex joħorġu, iżda dan ma sarx.


Hi semmiet Fort Cambpell u qalet li dan il-forti jinsab abbandunat; kull wirt storiku għandu jkun protett.
Teżisti problema akuta dwar l-imwejjed u s-siġġijiet madwar Malta u Għawdex għaliex m’hemm l-ebda kontroll mill-gvern. Problema oħra hi l-frammentazzjonjiet tal-liġijiet bil-konsegwenza li ħadd mhu qed ikun responsabbli.


Bla dubju l-Awtorità tal-Artijiet hi responsabbli għaliex dawn huma abbużi fuq art pubblika. Problema oħra hi dik marbuta mas-sanità. Il-PN mhux kontra l-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra iżda jrid ikun hemm bilanċ.


F’Malta llum sar kważi impossibbli biex jinstabu postijiet fejn in-nies jistrieħu. Malta saret l-aktar pajjiż storbjuż fl-UE. M’hawn l-ebda liġi li titkellem b’mod ħolositiku fuq il-kontroll tal-istorbju fil-pajjiż kif m’hemm l-ebda liġi dwar l-effetti tad-dawl.

Hi semmiet l-iżbroff ta’ drenaġġ fix-Xgħajra u appellat biex il-gvern iwieġeb b’mod ġenwin dwar din is-sitwazzjoni. L-impjant tat-trattament tad-drenaġġ fix-Xgħajra qed jopera b’permess skadut mill-2019.


Id-deputat Nazzjonalista appellat biex il-pajjiż ma jitlfix is-sħubija li għandu u biex l-azzjonijiet jibdew jittieħdu b’mod immedjat.