Il-ġurnaliżmu ħieles u l-iskambju mingħajr xkiel tal-informazzjoni huma essenzjali għal kull demokrazija. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wera li f’Malta l-ġurnaliżmu ħieles hu mhedded. L-inkjesta pubblika sabet li l-gvern hu responsabbli għal dan it-theddid. Kull riforma li trid issir, u li issa messa ilha li saret, għandha tkun hemm biex jieqaf it-theddid tal-gvern, mhux biex jiżdied.
Dan qalitu l-għaqda Repubblika li fissret il-kummenti tal-Prim Ministru, intenzjonati biex ixejnu t-tama li nisslet bid-diskors tagħha l-President ta’ Malta, jheddu lil min irid li Malta jkollna libertà tal-istampa b’aktar “regolamentazzjoni” li hi kelma oħra għal aktar indħil tal-gvern fil-ġurnaliżmu ħieles.
Il-Prim Ministru jwaħħad il-kunċett ta’ “pilastru tad-demokrazija” ma’ “fergħa tal-gvern” u jgħid li jekk il-ġurnaliżmu jkun rikonoxxut bħala “pilastru tad-demokrazija”, allura jrid joqgħod għal “checks and balances” bħall-pilastri l-oħra. Ħadd mhu jipproponi li l-ġurnaliżmu ħieles isir fergħa tal-gvern. Ħadd mhu jipproponi li jsir xi tibdil kostituzzjonali li jkun ifisser xi poteri ġodda għall-ġurnaliżmu. Kemm ilna demokrazija, suppost dejjem kellna ġurnaliżmu ħieles.
Repubblika issottolineat għalhekk, dak li qalet ġimgħa ilu l-President Myriam Spiteri Debono. “Il-media hija r-raba’ pilastru fit-tħaddim tad-demokrazija.” Tibdil kostitizzjonali jista’ biss jirrikonoxxi dak il-fatt, mhux joħolqu mix-xejn. Il-media ħielsa hi minna nfisha check and balance għall-poter tal-gvern.
Li hemm bżonn, u li m’għandniex, hija garanzija kostituzzjonali li l-gvern jirrispetta l-obbligi demokratiċi tiegħu u jipproteġi l-libertà tal-kelma. Li hemm bżonn huma restrizzjonijiet kostituzzjonali u legali li ma kellniex meta minħabba l-aġir tal-gvern inqatlet ġurnalista minħabba xogħolha.
Dak li għandu jiġri, qalet Repubblika fi stqarrija, hu dak li hu sew dokumentat fir-rapport tal-inkjesta pubblika li ilu pubbliku minn Lulju 2021.
Il-gvern għandu jkun trasparenti u jieqaf jostakola l-libertà tal-informazzjoni. Il-gvern għandu jżarma l-kontroll li għandu fuq ix-xandir pubbliku. Il-gvern għandu jinża l-kontroll li għandu fuq l-infiq diskriminatorju ta’ flus pubbliċi fil-media. Il-gvern għandu jieqaf juża l-mezzi tiegħu, inklużi mezzi tal-partit fil-gvern, biex jintimida u jhedded lill-ġurnalisti. Il-parlament għandu jilleġiżla kontra l-kawżi SLAPP, anke dawk li joriġinaw f’Malta stess.
Għandha titneħħa s-segretezza tal-finanzjament tal-partiti politiċi (u l-kumpaniji tagħhom, partikolarment l-ażjendi medjatiċi). Ir-relazzjonijiet bejn ministri u negozjanti għandhom ikunu regolati bil-liġi biex ikun hemm trasparenza. Il-lobbying għandu jkun regolat. Min għandu aktar flus milli jista’ juri minn fejn ġabhom, għandhom jittiħdulu. Għandu jkun reat li uffiċjal pubbliku jostakola l-ġustizzja jew jabbuża mill-poter. Għandu jkollna liġi kontra l-mafja.
Dawn huma r-rakkomandazzjoni tal-inkjesta pubblika wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawn ir-riformi għadhom ma sarux għax il-gvern ta’ Robert Abela ma riedx jagħmilhom. Għadu sal-lum ma bediex konsultazzjoni dwar imqar waħda minn dawn ir-riformi.
Minflok, qalet Repubblika, issa qed jhedded regolamentazzjoni ġdida biex jikkontrolla aktar lill-ġurnalisti.
Fakkret ukol dak li qalet il-President Myriam Spiteri Debono ġimgħa ilu, li biex “ma ninsewx, iżda, li għad baqa’ ħafna xi jsir fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.” Il-kummenti tal-Prim Ministru lbieraħ ifakkruna għalfejn għadu ma sar xejn.
//= $special ?>