Sqalli ta’ 51 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u multa ta’ €2,500 wara li ammetta li ffroda €80,000 lill-kumpanija tal-assikurazzjoni li magħha kien jaħdem fid-dipartiment tal-accounts. Salvatore Giuseppe Massimo Pirrello kien tressaq il-Qorti f’Novembru li għadda u ġie mixli bi frodi u b’miżapproprjazzjoni.
Mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-akkużat kien ibiddel in-numru tal-IBAN u l-flus minflok għand il-kumpaniji li suppost kellhom jirċievu l-flus, kienu qed imorru f’kontijiet oħra, uħud minnhom anki barra minn Malta.
B’kollox huwa ttrasferixxa madwar €80,000 li €28,000 minnhom ġew irritornati mill-bank minħabba li kellu suspett f’dawn it-tranżazzjonijiet, mal-€25,000 oħra rritornahom l-akkużat stess u minn jeddu, u €6,000 ġew miċħuda u ntbagħtu lura.
Il-Maġistrat Astrid May Grima sabitu ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u multa ta’ €2,500 waqt li ordnatlu biex fi żmien sitt xhur iħallas lill-kumpanija l-€10,792 li baqagħlu jagħtiha.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Andreas Vella u Yvette Borg Cardona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u mill-Ispettur Wayne Rodney Borg waqt li għal Pirrello, deher l-Avukat Joseph Bonnici.
//= $special ?>