Kien id-Direttur tal-Konformità tal-Benefiċċji fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja Soċjali li kkonferma fil-Qorti li l-ammont li ġie misruq mir-racket tal-benefiċċji soċjali kien ilaħħaq is-€6 miljun. Iżda, għall-Ministru Michael Falzon dan ma kienx serq.
Meta llum kien mistoqsi kemm mill-ammont totali li ġew misruqa diġà ġew irritornati lura għand il-poplu Malti u Għawdxi, il-Ministru Falzon qal li s’issa ċ-ċifra hi ta’ miljun ewro u nofs. Li f’kelma oħra jfisser li baqa’ aktar minn 75% li ma ġewx ritornati.
Intant, bħalissa qed jinstema’ l-każ fil-Qorti tat-tabib u Eks Deputat Laburista Silvio Grixti, li jinsab fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.
Grixti ġie akkużat b’rabta ma’ mijiet ta’ każi ta’ benefiċċji soċjali u ċertifikati frawdolenti li ngħataw lil numru kbir ta’ persuni; fejn allegatament ġew imsarrfa f’eluf ta’ ewro illeġittimi.
Din l-iskema allegatament kienet koordinata minn nies fil-Labour, fil-Ministeri u fil-customer care ta’ Kastilja.
L-ammont ta’ ċertifikati huwa tant kbir li l-moħħ warajhom aktarx huwa iktar minn persuna waħda, tant li l-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, kien iddeskriva l-persuni wara din il-ħadma bħala organizzazzjoni kriminali.
Filwaqt li fl-ebda mument il-Prim Ministru u l-Kabinett tiegħu ma refgħu xi tip ta’ responsabbiltà, Abela għadu s’issa jipprova jagħmel minn kollox biex iżomm milli toħroġ il-verità dwar il-korruzzjoni sistematika f’Kastilja.
//= $special ?>