Lokali

Transport Malta titlob biex jitneħħew il-karozzi tal-linja msemmija fil-Protest Ġudizzjarju

L-Awtorità ta’ Transport Malta talbet lill-Operatur tat-Trasport Pubbliku biex ineħħi mis-servizz dawk il-karozzi tal-linja msemmija fil-Protest Ġudizzjarju sakemm isiru l-kontrolli u l-verifiki kollha meħtieġa minnha.

Dan hekk kif fi stqarrija Transport Malta qalet li l-Awtorità qed tinnota l-Protest Ġudizzjarju mressaq kontra l-Operatur tat-Trasport Pubbliku kif irrappurtat fil-midja. Hi qalet li bħala r-regolatur tas-servizz, Transport Malta twettaq kontrolli fuq 9 sa 15-il karozza tal-linja fil-ġimgħa sabiex tiġi aċċertata kemm dawn il-vetturi huma tajbin għat-triq u tittieħed azzjoni xierqa meta karozza tal-linja ma titqiesx konformi mar-rekwiżiti kollha tas-sigurtà.

Transport Malta qalet ukoll li l-karozzi tal-linja jingħataw permess biss biex jintużaw jekk jgħaddu minn din l-ispezzjoni.