Sport

Andy Borg iżomm it-titlu tal-Johnny Walker Scratch Challenge Cup

Andy Borg rebaħ il-Johnny Walker Scratch Challenge Cup tal-golf sabiex żamm it-titlu li rebaħ is-sena li għaddiet. Dan l-avvenimen sar fir-Royal Malta Golf Club.

Ma kinitx biċċa xogħol faċli għall-golfer Malti li kellu jegħleb l-isfida ta’ Tore Lindtveit, li għal ħafna mill-ħin kien fl-ewwel post.

Madankollu, kien hemm rimonta tajba min-naħa ta’ Borg li wara bidu xi ftit kwiet, kellu punteġġ ta’ 66 gross fejn mar b’137 punt. Dan kien biżżejjed biex issupera lil Brian James, li saħansitra qabeż lil Lindtveit bi ftit, b’Andy Featherstone temm fir-raba’ pożizzjoni.

Fl-istess waqt, intlagħbet ukoll il-Kinnaird Trophy fejn iddomina Martin Johansson, b’Thomas Jacobsen li temm fit-tieni post, segwit minn Paddy Mann fit-tielet pożizzjoni.

Fi tmiem l-avveniment, ir-rebbieħa ġew ippreżentati bit-trofej mill-kaptan tar-Royal Malta Golf Club Jay Jay Micallef fil-preżenza ta’ Alfred Braddick għal M. Demajo Wines and Spirits.