Lokali Transport

Disa’ karozzi tal-linja tneħħew mit-toroq minħabba tħassib dwar difetti u ħsarat

Allegazzjonijiet marbuta ma' 11-il karozza tal-linja li possibbilment tħallew b'mod abbużiv fit-toroq tagħna

Meta t-Tlieta waranofsinhar id-Deptuat Adrian Delia staqsa lill-Ministru tat-Trasport Chris Bonett sabiex jirreaġixxi għall-iskandlu tal-karozzi tal-linja, il-Ministru qal biss li hu “mhux mechanic”.

Dan ħareġ fil-Parlament waqt il-ħin tal-PQs, fil-ġurnata li fiha feġġ dan l-iskandlu l-ġdid fejn ħaddiem qed jallega li ingħata ordnijiet biex joħroġ karozzi tal-linja fit-toroq minkejja li – skont l-akkuża – ikun instab li kellhom ħsarat jew difetti.

Matul il-jum, Net News staqsa lill-Malta Public Transport kemm huma eżattament il-vetturi tal-linja li tneħħew mit-toroq, fuq liema rotot kienu qed jaħdmu, kemm ġarrew nies dawn il-vetturi fl-aħħar xahar, u kemm hemm vetturi tal-linja li qed jiġu iċċekjati.

Il-kumpanija Malta Public Transport qed tgħid kienu b’kollox 11 il-vetturi (li ġew identifikati fil-Protest Ġudizzjarju tal-bieraħ) u li allegatament kellhom ħsarat jew difetti, u disa’ minnhom tneħħew mit-toroq tagħna. Tnejn oħra qed jingħataw maintenance.

Il-Malta Public Transport qed tiċħad l- allegazzjonijiet li saru mis-supervisor tagħha stess. Bil-Ministru Chris Bonett joħroġ għonqu għal din l-entita’, u jgħid li issa tal-linja m’għadhomx jieħdu n-nar – fatt li huwa għal kollox skorrett, kif jixhdu diversi filmati pubblikati fis-snin riċenti.

Transport Malta minn naħa tagħha kienet talbet lill-operatur tal-linja biex ineħħi mis-servizz il-vetturi msemmija fil-Protest Ġudizzjarju sakemm isiru l-kontrolli kollha meħtieġa. U kien f’dan il-punt meta tneħħew id-disa’ vetturi fuq ordnijiet ta’ Transport Malta.