Lokali

Eluf jinqabdu fit-traffiku wara li triq li kellha tinfetaħ fil-5am, sat-8am kienet għadha magħluqa

MRTU

Eluf ta’ sewwieqa l-Erbgħa filgħodu spiċċaw maqbudin f’konġestjoni ta’ traffiku enormi fit-toroq arterjali ta’ Malta minn Kordin sa San Ġiljan.

Dan wara li minħabba xogħlijiet li qed isiru minn Infrastructure Malta għalqu parti mit-Triq Reġjonali fid-direzzjoni ta’ Pembroke.

Madwar ġimgħa ilu, permezz ta’ post fuq Facebook Infrastructure Malta kienet ħabbret dawn ix-xogħlijiet madanakollu kienet saħqet li t-triq kellha tibqa’ magħluqa sal-5 ta’ filgħodu….u mhux li sa tal-inqas it-tmienja ta’ filgħodu…fl-eqqel tat-traffiku.

Bosta sewwieqa li tkellmu ma’ Net News saħqu li t-traffiku kien qed jestendi saħansitra sa Santa Luċija – fejn b’mod ironiku insistew li l-festi bdew ġmielhom – referenza għal kumment li kien ta lil Net News l-issa backbencher Laburista Aaron Farrugia meta kien għadu Ministru tat-Trasport.

Intant fl-istess waqt – f’Kordin t-traffiku nħoloq ukoll kawża ta’ avveniment organizzat mill-komunità Musulmana hekk kif qed jiċċelebraw tmiem ir-Ramadan, ċioè Eid Mubarak – bi triq biswit il-moskea tkun parzjalment magħluqa.