Internazzjonali

Franza: Allert għat-theddida tat-terroriżmu u sigurtà speċjali f’Pariġi qabel il-logħba futbol bejn PSG u Barcelona

L-awtoritajiet f’Pariġi qed iżidu l-preżenza tas-sigurtà qalb l-aktar zoni tal-kapitali frekwentati min-nies u t-turisti – u b’mod partikulari qalb l-istazzjonijiet tal-ferrovija u viċin l-istadiums tal-futbol u għal avvenimenti sportivi oħrajn.

Iż-żieda fis-sigurtà – jew ‘show of  force’ – qed issir biex taċċerta lill-pubbliku li l-Gvern qed jieħu l-passi kollha meħtieġa fl-interessi tas-sigurtà b’reazzjoni għat-twissijiet ġodda min-naħa tal-grupp ISIS. Il-miżuri qed jispikkaw madwar Pariġi minħabba li t-terroristi jistgħu qed jippjanaw biex jattakkaw l-avvenimenti ewlenin relatati mal-futbol Ewropew.

Is-sitwazzjoni fil-kapitali, fl-aħħar sigħat, kienet aktar sinifikanti qabel il-logħba taċ-Champions League li se ssir illejla fil-Parc des Princes, bejn Paris St Germain u Barcelona.

Fil-preżent l-Ewropa kollha tinsab imħassba dwar it-theddid ċirkolat mill-ISIS permezz ta’ entità tal-media li tissimpatizza mat-terroristi. Dan waqt li l-Gvern Franċiż u gvernijiet oħra qed ikomplu jevalwaw u jirreaġġixxu għal dan it-theddid li qed jittieħed b’serjetà kbira.

Dan hu żmien partikularment sensittiv  għal Franza li qed taħseb biex tospita l-Logħob tal-Olimpjadi f’Lulju li ġej. Intant, żdied ukoll it-tħassib li l-Kremlin fir-Russja qed jipprova jferrex id-dubji u l-biża’ dwar il-kapaċitajiet tal-Gvern Franċiż biex iħares is-sigurtà taċ-ċittadini.

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, ikkonferma t-tisħiħ notevoli tas-sigurtà qalb il-hubs popolari fil-kapitali u l-madwar ta’ Parc de Princes, fin-naħa t’isfel ta’ Pariġi.

Il-miżuri ttieħdu wara t-theddid online li l-ISIS esprima pubblikament fuq l-istazzjon tal-media partikulari. Il-messaġġ kienu indirizzat lis-sostenituri tat-terroristi fi Franza u bnadi oħra tal-Ewropa li setgħu għamlu l-kuraġġ wara l-aħħar terrur qattiel f’kumpless tal-kunċerti fil-qalna ta’ Moska u li kien tmexxa mill-membri tal-ISIS.

Madankollu, Gerald Darmanin qed iħeġġeġ biex in-nies jevalwaw it-theddida fuq livell nazzjonali fil-kuntest xieraq u mingħajr paniku.

Hu spjega li s-sogru ta’ attakk mill-ISIS ma jinvolvix xi kunċett ġdid u li hu ma kellu l-ebda informazzjoni speċifika dwar xi azzjoni imminenti. Dan meta l-awtoritajiet ma jafux il-lokalitajiet li jistgħu jisfaw mira għat-terrur inkella l-kundizzjonijiet li jistgħu ‘jattivaw’ attakk fuq livell terroristiku.