Lokali

“Fuq il-KM Malta Airlines: Persuni b’diżabbiltà se jkollhom iħallsu aktar għax jużaw wheelchair” – PN

Il-Gvern għandu jara li titneħħa din id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-aġir tal-KM Malta Airlines fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà u li għandhom bżonn jużaw siġġu tar-roti (wheelchair). Dawn il-passiġġieri se jkollhom jimlew formola u jħallsu €15 kull darba li jużaw din l-għajnuna. Persuna b’diżabbiltà għandu jkollha l-istess dritt bħal kull ċittadin ieħor, f’kull qasam tal-ħajja, inkluż dak tal-ivvjaġġar liberu.

Dan intqal mix-Shadow Ministers Graziella Galea u Mario de Marco, li fi stqarrija qalu li dak li qed tagħmel il-linja nazzjonali tal-ajru hu att diskriminatorju fil-konfront ta’ dawn il-persuni u anke jikser ir-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.

Dritt stabbilit mill-Unjoni Ewropea, li fost punti oħrajn jindika hekk: “Sabiex il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għall-ivvjaġġar bl-ajru komparabbli ma’ dawk ta’ ċittadini oħra, għandha tkun ipprovduta assistenza li tissodisfa l-ħtiġijiet partikolari tagħhom fl-ajruporti kif ukoll abbord l-inġenji tal-ajru, permezz tal-persunal u t-tagħmir meħtieġa. Fl-interessi tal-inklużjoni soċjali, il-persuni konċernati għandhom jirċievu din l-assistenza mingħajr ħlas addizzjonali.”

Fissru li l-linja nazzjonali għandha tirtira minnufih dawn il-proċeduri u spejjeż ġodda li qed timponi fuq nies li għandhom bżonn għajnuna, filwaqt li tkompli toffri dan is-servizz mingħajr l-inkonvenjenza ta’ formoli għand it-tabib u ħlas bla bżonn minn persuni vulnerabbli.

Il-Gvern għandu jara li din l-entità nazzjonali tagħti widen għal dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista u li qed tgħid ukoll il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, li dawn il-miżuri ġodda huma diskriminatorji, filwaqt li tagħti l-assistenza meħtieġa kollha bla ħlas.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħti d-drittijet lil persuni b’diżabbiltà u jara li l-vuċi ta’ kulħadd tkun ta’ prijorità. Dan filwaqt li jqis li d-drittijiet stabbiliti mil-liġijiet għandhom ikunu il-minimu li għandha tagħmel is-soċjetà fil-konfront ta’ min ġenwinament għandu bżonn l-għajnuna.