Kummerċ Lokali

“Għafsa ta’ qalb kull darba li nidħol fis-supermarket” …il-paga m’għadhiex isservi

“Il-paga ta’ żewġi kienet isservi; illum inġebbdu sal-limitu. Għafsa ta’ qalb kull darba li nidħol fis-supermarket”. Dawn huma ftit mid-diversi kummenti li nġabru mit-Times of Malta f’analiżi li saret dwar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u l-prezzijiet tal-prodotti li ġimgħa wara l-oħra qed jiżdiedu. Tant li f’Malta, l-inflazzjoni tinsab f’livell ferm ogħla mill-medja Ewropea.

Il-ġurnal jgħid li n-nies illum saru jagħtu każ kull ċenteżmu u jqabblu l-prezzijiet. Dan għaliex kollox litteralment spara ‘l fuq. Filwaqt li mara oħra li ġiet ikkwotata mill-istess ġurnal tgħid li m’għadha tixtri kważi xejn għaliha personali, għaliex l-ewwel taħseb fl-essenzjal.

It-Times of Malta tfakkar fl-istudju riċenti li sar mill-Fakultà tat-Tisħiħ fis-Soċjetà li wera kif il-problemi finanzjarji – u l-fatti li l-pagi mhux iservu – qed joħolqu stress akbar fuq il-familji. Dan kollu kien konfermat ukoll minn statistika tal-UE li wriet kif il-pagi f’Malta baqgħu baxxi meta kumparati mal-medja tal-Ewropej.

Apparti minn hekk, studju separat imwettaq mid-ditta KPMG, żvela kif il-ftit żieda li kien hemm fil-pagi ttieklet mill-ewwel mill-għoli tal-ħajja – u allura l-familji u l-ħaddiema spiċċaw agħar milli kienu. Dan filwaqt li l-anzjani wkoll għandhom pensjoni li mhux isservi għall-ħtiġijiet li jkollhom minn ġurnata għall-oħra.

Għalkemm l-istatistika turi li ċertu prezzijiet roħsu, ix-xirja fit-totalità tagħha baqgħet nefqa enormi għall-familji Maltin u Għawdxin. Dan għaliex kellek il-prezzijiet tal-bottijiet tal-preserved, tiġieġ u laħam frisk, frott u ħaxix …li kollha baqgħu ma raħsux.

Tant hu hekk, li fuq sena, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Ikel baqa’ 5.5 fil-mija ogħla minn dak li kien fl-2023, meta ħafna diġà kienu qed iħossu l-morsa tal-għoli tal-ħajja. Bil-prezzijiet jibqgħu jiżdiedu anke fejn jidħol oġġetti oħra bħal prodotti tal-ħasil, tal-kura personali, toiletries u anke nappies.