Lokali

“Id-deċiżjoni fil-kawża ta’ Yorgen Fenech hi kundanna ta’ stat mafjuż” – Repubblika

Repubblika tagħmel dawn l-osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-lum tal-Imħallef Lawrence Mintoff fil-kawża li ġab Yorgen Fenech jilmenta li kienu qed jinkisru d-drittijiet tiegħu.

1. Reġa’ ġie dokumentat minn Qorti kemm Kastilja taħt Joseph Muscat kienet bejta ta’ kriminalità u korruzzjoni. Ma niskantawx bil-wiċċ vili u tost ta’ Yorgen Fenech li ressaq il-kawża li għamel illum meta donnu irrealizza li l-ħbiberiji tiegħu f’Kastilja ma baqgħux jiggarantulu l-impunità li ħaseb li kellu. F’diversi punti l-qorti llum esprimiet skantament u diżgust bl-imġieba u l-aġir korrott u kriminali t’uffiċjali tal-gvern, partikolarment ta’ Keith Schembri li kien xejn anqas mill-Kap tal-Istaff tal-Prim Ministru, pożizzjoni b’poter enormi.

2. Kif ilna ngħidu f’kull protesta li għamilna f’kull xahar ta’ kull sena minn mindu nqatlet Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017, hu korrott u kriminali li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma ressqux niex b’poter politiku u akkużawhom bir-reati flagranti u ampjament ippruvati. Il-qorti llum għamlet riferenzi impliċiti u espliċiti għar-reati magħrufa ta’ Keith Schembri. L-impunità qatlet lil Daphne. Dan hu għal kollox dokumentat fl-inkjesta pubblika li ilha lesta tlett snin. Dik l-impunità għada hemm. Il-kriminali mafjużi għadhom mhumiex ikkonfrontati b’xi forma ta’ konsegwenza għall-aġir kriminali u mafjuż tagħhom. U ta’ dan responsabbli Victoria Buttigieg u Angelo Gafà, mandanti tal-impunità, inkapaċi u kompliċi daqs il-predeċussuri immedjati tagħhom.

3. Il-Qorti osservat ukoll li sar aġir ħażin li m’għandniex liġijiet biex nikkastigaw u għamlet rakkomdandazzjonijiet x’forma għandhom jieħdu dawn il-liġijiet. Dan diġà qalitu l-inkjesta pubblika li laqgħet il-parir tagħna li l-abbuż tal-poter u l-ostakolar tal-ġustizzja minn uffiċċjali pubbliċi għandhom isiru reati espliċiti. L-istess kif għada ma saritx liġi kontra l-mafja. Is-sentenza tal-lum terġa’ tikkonferma li Malta hi stat b’istituzzjonijiet infiltrati mill-mafja. Keith Schembri m’għadux Kastilja. Madankollu għadu jgawdi mill-impunità. Il-mafja għadha ssaltan. Ir-rifjut ta’ Robert Abela li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika jipperpetwa l-ħniżrijiet li tant qażżu l-qorti llum.

Li hu pożittiv hu li d-deċiżjoni tal-Imħallef Lawrence Mintoff tikkonferma li minkejja l-eżempju tal-biża tan-nies fl-ogħla livelli tal-pulizija u tal-gvern għandna uffiċjali ta’ kuxjenza li jagħmlu xogħolhom b’serjetà, professjonalità, u mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Insellmu għalhekk u ntennu l-apprezzament tagħna għax-xogħol ta’ Keith Arnaud.

Hu ċar li kif qalet il-President ta’ Malta f’jum il-ġurament tal-ħatra tagħha, għadna ma bdejniex nindirizzaw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-verità issa nafuha u llum reġgħet ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni oħra tal-qorti. Għadna ma bdejniex induqu l-ġustizzja.