Ambjent Lokali

“Il-Gvern qed imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ewropa fil-konfront tal-gamiema”

“Il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jmur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ewropa u se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa għall-gamiema.”

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu minn BirdLife Malta hekk kif propju l-Erbgħa fetaħ l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa.

Il-Head of Land Management Mark Gauci qal li l-għasafar huma l-indikaturi tal-istat tal-post li jkunu qed ibejtu fih. Minn naħa tiegħu, Nicholas Barbara li huwa l-Head of Conservation qal li BirdLife dejjem se tibqa’ tipproteġi l-ambjent.

Hawnhekk huwa appella li l-kaċċa tal-gamiema m’għandix ssir fir-rebbiegħa għaliex f’dak il-perjodu l-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi tkun l-aktar baxxa.

Huwa qal ukoll li sena wara l-oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jmur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ewropa…rakkomandazzjonijiet bil-għan li jkabbru l-popolazzjoni tal-gamiema.

BirdLife saħqet li l-Gvern ma kienx ġustifikat li jiftaħ il-kaċċa tal-gamiema għaliex baqgħet speċi vulnerabbli filwaqt li fakkru li Malta huwa l-unika pajjiż fl-Ewropa li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fuq il-gamiema fir-rebbiegħa.

F’kummenti ma’ Net News Nicholas Barbara tkellem fuq l-importanza li nipproteġu din l-ispeċi għaliex jekk pajjiżna se jibqa’ jinjora r-rakkomandazzjonijiet il-gamiema se tispiċċa istinta.

Intant, waqt din il-konferenza ġie muri l-proċess ta’ meta għasfur jiġi fir-riserva tas-Simar fejn janalizzaw f’liema stat tas-saħħa jinsab dan l-għasfur kif ukoll minn fejn ġie – proċess li jsir f’numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa.

Ritratt: Martin Agius

Uħud minn dawn l-għasafar ikunu ġejjin mill-Iżvizzera jew mill-Polonja. U l-aktar mument ħelu kien meta dan l-għasfur tar sabiex ikompli bil-passa tiegħu.

Ritratt: Martin Agius