Lokali

“Il-Partit Laburista jiddevja l-attenzjoni billi jigdeb fuq il-Gozo Channel” – Peter Agius

Waqt li l-Għawdxin jitkarrbu għal konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer, il-media Laburista qed tigdeb dwar il-pjani tal-Partit Nazzjonalista għall-Gozo Channel.

Fl-aħħar jiem, One News b’mod ħawwadi pprova jdawwar kliem il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius biex jgħid li hu favur il-privatizzazzjoni tal-Gozo Channel. Peter Agius, kemm f’artiklu fit-Times of Malta u waqt konferenza tal-aħbarijiet, tenna li b’fondi Ewropej, Malta tista’ tinvesti fi flotta ġdida għall-Gozo Channel.

Peter Agius qal li bħalma tennew qabel ix-Shadow Ministers Alex Borg u Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mhux talli l-Gozo Channel ma tkunx privatizzata iżda jsir investiment f’vapuri ġodda biex l-Għawdxin ikunu prijorità assoluta.

“Ma jistax ikun li dejjem għandna flott b’xi vapur dejjem bil-ħsara u n-nies jagħmlulek sagħtejn jistennew biex jaqbdu l-vapur. L-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li ninvestu fil-konnettività għal Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista diġà qal bl-iktar mod ċar fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet fejn ħabbarna li ser ninvestu fi flotta ġdida tal-Gozo Channel għax għalina l-Għawdxin mhumiex ċittadini tat-tieni klassi”, sostna Peter Agius.

Peter Agius qal li flotta ġdida tista’ ssir b’vapuri li jaħdmu bl-elettriku kif diġà investew pajjiżi oħra. Huwa elenka li l-Gozo Channel għandha tkun kumpanija li taqdi l-ħtiġijiet tal-Għawdxin u tal-passiġġiera kollha mmexxija b’kompetenzi serji u mingħajr l-indħil politiċizzat mill-Gvern.