Lokali Qorti

Il-Qorti ma tilqax talba oħra ta’ Yorgen Fenech

Ritratt: MaltaToday
Miċħuda t-talba biex is-Supretendent Keith Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni fil-qtil ta’ Caruana Galizia

L-Imħallef Lawrence Mintoff ma laqax it-talba li saret min-negozjant Yorgen Fenech biex l-investigatur ewlieni fl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruan Galizia, ma jibqax involut fl-investigazzjoni. Fenech, huwa wieħed mis-suspettati b’rabta mal-qtil li kien seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017, quddiem id-dar tal-vittma fil-Bidnija.

Hu kien fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha kontra l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Huwa allega li Arnaud kien jgħaddi informazzjoni lil Keith Schembri, l-Eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dwar il-progress tal-investigazzjoni fuq il-qtil u li l-istess Schembri għen lil Arnaud isib xogħol għal mara tiegħu.

Huwa ried li Arnaud jitneħħa mill-każ għal raġunijiet ta’ kunflitt ta’ interess. Dejjem allega li Arnaud, kien ħabib mal-Eks Chief of Staff tal-OPM Keith Schembri, u li kien fittex li “jipproteġi” lil Schembri milli jkun implikat fil-qtil.

Yorgen Fenech kien qal lill-investigaturi tal-Pulizija li Schembri “ried lil Daphne mejta”. Fir-rikors tiegħu fil-Qorti biex Arnaud jitneħħa mill-każ, Fenech sostna li l-investigatur ma setax ikun imparzjali, u kiser id-dritt tiegħu għal proċess ġust. L-ewwel qorti kienet ikkonkludiet li Fenech seta’ ressaq kontestazzjoni legali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija biex l-investigatur jitneħħa mill-każ, iżda ma kienx għamel dan.

F’sentenza ta’ 155 faċċata, l-Imħallef Mintoff qal li mill-provi jirriżulta li Yorgen Fenech qatt ma kellu problemi mal-Assistent Kummissarju Arnaud, u li dejjem kellu fiduċja sħiħa tiegħu u kien biss meta ma ngħatax il-maħfra presidenzjali li bidel l-opinjoni tiegħu dwar l-invetigatur.

Il-maħfra presidenzjali ngħatat lill-middleman fl-omiċidju Melvin Theuma. Kien minn hemm ‘il quddiem li Fenech beda jara lil Arnaud f’dawk ikrah. L-Imħallef Mintoff tenna li qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia, l-Assistent Kummissarju Arnaud ma kienx jaf lil Keith Schembri u qatt ma rifes l-għatba ta’ Kastilja. Dawn iltaqgħu biss waqt il-‘briefings’ li kienu jsiru f’Kastilja b’rabta mal-qtil.

Huwa qal li jekk kien hemm xi ħadd li kellu kunflitt ta’ interess f’din is-sitwazzjoni, kien Schembri nnifsu li baqa’ jattendi għall-‘briefings’ anke meta kienet qed tiġi diskussa t-talba għall-maħfra lil Theuma. Sostna li huwa ta’ għajb kbir kif Arnaud, minħabba l-kunflitt ta’ interess ta’ ħaddieħor, inġab f’din is-sitwazzjoni tal-biki.

L-Imħallef iddeplora l-mod ta’ kif xehed Yorgen Fenech u n-nuqqasijiet fl-investigazzjoni dwar il-qtil

L-Imħallef Mintoff iddeplora dak li ddeskriva bħala “mod laxk u diżonest” il-mod kif xehed Fenech, u għamilha ċara li ma jemminx li Arnaud kien se jagħmel xi ħaġa li tipperikola l-integrità tal-investigazzjoni u jqiegħed ħajtu u ħajjet kollegi tiegħu fil-periklu.

Dwar il-‘briefings’ f’Kastilja qal li meta jkun hemm investigazzjonijiet dwar delitti serji, l-interventi tal-politiċi għandhom ikunu mill-inqas, u f’talbiet dwar maħfri presidenzjali m’għanudx ikun hemm intervent politiku.

L-Imħallef irrefera għal dawk li sejjaħ “defiċjenzi u nuqqasijiet istituzzjonali” fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia fejn, qal li l-ikbar waħda kienet il-‘leaks’ kontinwi sa mill-bidu nett tal-investigazzjoni, inkluż meta kien se jsir ir-rejd li wassal għall-arrest tal-aħwa George u Alfred Degiorgio, u Vince Muscat.

Huwa qal li għandu jinstab min kien responsabbli għal-‘leaks’ u jingħataw dak li ħaqqhom waqt li żied li huwa tal-fehma li jeżistu indikazzjonijiet ċari dwar min kien responsabbli għalihom, u biżżejjed provi biex dawn jitressqu l-Qorti.

L-Imħallef Mintoff irrefera wkoll għall-kunflitti ta’ interess f’każijiet bħal dawn u ssuġġerixxa li l-leġiżlatur għandu jikkonsidra li każijiet ta’ kunflitt ta’ interess ta’ din ix-xorta, li potenzjalment jistgħu jxekklu jew ifixklu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, jiġu kklassifikati bħala reati kriminali serjissimi li jkunu puniti b’pieni ħorox.

Bil-ħatra ta’ negozjant ewlieni bħala Chief of Staff f’Kastilja, kien inevitabbli li kienu ser jinħolqu sitwazzjonijiet skabrużi bħal dawn, fejn anke l-Pulizija setgħu sabu ruħhom fid-diffikultà dwar kif kellhom iġibu ruħhom quddiem persuna mill-aktar setgħana bħal Keith Schembri.

Huwa rrefera wkoll dwar l-użu minn uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ta’ mobile apps, bħal Signal u Whatsapp, li jipprovdu sistema ta’ komunikazzjoni permezz ta’ telefonati u messaġġi li huma encrypted, u qal li mill-provi f’din il-kawża ma joħroġx ċar f’liema ċirkostanzi l-membri tal-Korp jistgħu jagħmlu użu ta’ dawn il-mobile apps fil-qadi ta’ dmirijiethom.

L-Imħallef Mintoff qal finalment li minkejja dawn in-nuqqasijiet, jemmen li Yorgen Fenech talab il-maħfriet presidenzjali mhux biex toħroġ il-verità, imma għalih innifsu, u ċaħadlu t-talba biex Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni b’rabta mad-delitt ta’ Caruana Galizia.