Lokali

Imut is-Surmast Joseph Sammut fl-età ta’ 98 sena

Ftit ħin ilu tħabbret il-mewt tas-Surmast Joseph Sammut. Hu kellu 98 sena.

Is-Surmast Sammut twieled il-Belt Valletta u kien l-ewwel surmast direttur tal-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.

Qabel, huwa kien surmast direttur tal-Orkestra tal-Commander-in-Chief. Dan meta kien hawn il-Forzi Ingliżi f’Malta.

Is-Surmast Joseph Sammut studja d-direzzjoni orkestrali taħt id-direttur famuż Sir Malcolm Sargent.

Barra li kien direttur tal-orkestra, Sammut kien ukoll kompożitur u fost ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu wieħed ma jistax ma jsemmix Il-Messa Da Requiem li ndaqqet kemm-il darba kemm f’Malta kif ukoll barra.

L-aħħar dehra pubblika ta’ Sammut kienet is-sena li għaddiet, meta fit-30 ta’ April kien idderieġa l-orkestra minn fuq is-siġġu tar-roti.

Intant, ħabib tal-Maestro Sammut, Anthony Fabri, tkellem ma’ Net News hekk kif saħaq li hu kien għamel xi żmien residenti miegħu f’Dar tal-Anzjani – fejn ġie deskritt minnu bħala bniedem umli mingħajr ebda pretensjoni.

Dan filwaqt li sostna li jafu lejl u nhar bil-headphones f’widnejh jisma’ u jirranġa numru ta’ kunċerti li kiteb huwa nnifsu.

Fabri insista li s-Surmast Joseph Sammut kien ġenju tal-mużika, b’qalb tad-deheb u b’umiltà assoluta.