Sport

Ċikliżmu: Organizzata t-28 ediżżjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta fil-ġranet li ġejjin

It-28 Edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-ċikliżmu se ssir bejn għada u l-Ħadd 14 ta’ April.

Għal darb’oħra dan it-Tour ser jsir taħt l-awspiċi tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu b’parteċipazzjoni minn klabbs lokali flimkien ma’ oħrajn barranin. Il-parti l-kbira tal-klabbs barranin huma mill-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-Italja. Ma’ dawn ser jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin minn diversi pajjiżi oħra, fosthom jirritorna dak Żvizzeru ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team li kien twaqqaf b’inizjattiva ta’ San Ġwanni Pawlu II fejn fuq il-flokk iġibu l-messaġġ “Amore e Vita”.

Antoine Magaud, ir-rebbieħ tal-aħħar edizzjoni, mhux ser jkun qed jiddefendi t-titlu mirbuħ is-sena l-oħra minhabba raġunijiet familjari.

It-Tour Internazzjonali ta’ Malta 2024 jibda bl-ewwel tappa ser tkun l-Individual Time Trial fil-Coast Road, is-Salina, f’Baħar ic-Ċagħaq, f’ċirkwit ta’ 5km fuq tliet dawriet.

It-tieni tappa ser issir fuq ċirkwit ta’ 3.5km tal-by-pass ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn l-Elite ser jagħmlu 15-il dawra, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 12-il dawra.

It-Tielet tappa tas-Sibt 13 ta’ April, ser tkun ċirkwit ta’ 5km f’Ta’ Pinellu, il-Mellieħa, fejn l-Elite jagħmlu 10 dawriet, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu seba’ dawriet.

Il-Ħadd issir l-aħħar tappa, f’Għawdex, ċirkwit ta’ 3.2km fit-Triq Għajn Qasab, fir-rotta tar-Ramla l-Ħamra, fin-Nadur. L-Elite jagħmlu 12-il dawra, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu sitt dawriet.