Sport

It-tellieqa tal-Maqluba tattira fost l-aqwa atleti Maltin

Shaun Galea u Rosalie Borg Cauchi jieħdu l-unuri fit-tellieqa tal-5km

It-tieni tiġrija tal-Hudson Race Series, saret fil-Maqluba l-Ħadd filgħodu. Din it-tellieqa kienet avveniment ta’ sfida, li minkejja n-natura tal-korsa li hi kkaratterizzata minn għoljiet weqfin, xorta hija mfittxija ħafna mill-atleti Maltin.

L-atleti li qed jipparteċipaw fil-Hudson Race Series, għandhom l-għażla li jikkempetu jew f’korsa ta’ 5km jew 10km. Din il-flessibbiltà tilqa’ għal firxa diversa ta’ parteċipanti, fosthom numru ta’ wħud mill-aktar atleti b’saħħithom ta’ Malta, kif ukoll numru ta’ atleti ġodda.

Tellieqa tal-10km

Mark Herrera kien f’forma tajba l-Ħadd filgħodu. Herrera ħa postu fuq quddiem biex żamm pass tajjeb biex spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 34:51, filwaqt li żamm distakk tajjeb fuq Leon Chetcuti, li spiċċa fit-tieni post f’37:43. Reuben Balzan ingħaqad magħhom fuq il-podju wara li temm it-tellieqa fi 38:11.

Intant, Josann Attard Pulis ipproduċiet ukoll riżultat tajjeb fejn hi wkoll kienet fuq quddiem fil-kategorija tan-nisa. Hi spiċċat f’41:31. Rebecca Galea kisbet it-tieni post b’ħin ta’ 45:49, filwaqt li Jessica Vella spiċċat fit-tielet post b’ħin ta’ 48:51.

Tellieqa tal-5km

Shaun Galea ta wirja oħra impressjonanti fuq din id-distanza, meta għamel ħin ta’ 16:03. Warajh daħal Darran Agius f’17:11, ftit sekondi biss qabel Charles Micallef (17:23).

Rosalie Borg Cauchi, tat wirja determinata biex spiċċat l-ewwel mara, f’ħin ta’ 18:57. Hi kienet segwita minn Charyl Fava li spiċċat f’20:09. Fit-tielet post spiċċat Gaby Mangion b’ħin ta’ 21:45.

It-trofej ġew ippreżentati lir-rebbieħa Overall u Age Group mid-Direttur tat-Tellieqa Charlie Demanuele.

L-organizzaturi esprimew il-gratitudni tagħhom lil Hudson għall-appoġġ tagħhom lejn is-sensiela, lil Transport Malta, il-Kunsilli Lokali tal-Qrendi u Żurrieq, it-tim Mediku u uffiċjali tat-tellieqa.

It-tielet tiġrija tal-Hudson Race Series se ssir f’Ħad-Dingli, nhar il-Ħadd 16 ta’ Ġunju.