Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li aggredixxa mara b’sikkina

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Birkirkara li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli li aggredixxa mara meta ta daqtejn ta’ sikkina. Il-Maġistrat Leonard Caruana ma laqax it-talba għall-pleġġ taż-żagħżugħ.

Il-każ seħħ fl-20 ta’ Marzu li għadda quddiem il-każin ta’ Sant Antnin meta ż-żagħżugħ resaq lejn il-mara u meta staqsitu x’ried, ħareġ sikkina għaliha. Il-mara ħarbet tiġri minn fuq il-post u ż-żagħżugħ beda jiġri warajha u jagħtiha bis-sikkina f’għonqha u idha. Dan bil-konsegwezna li kkaġunalha ġrieħi ħfief.

Il-prosekuzzjoni qalet li waqt li ż-żagħżugħ kien arrestat huwa pprova jħebb għal wieħed mill-kuntistabbli tal-Pulizija li ssejjaħ fuq il-post. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u argumentat li l-imputat għandu problemi ta’ saħħa mentali u li jkun ahjar jekk jiġi trattat barra l-ħabs milli ġewwa.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad iridu jixhdu x-xhieda fosthom il-vittma u għax l-akkużat jgħix fl-istess lokalità. Sostniet li jkun aħjar jekk iż-żagħżugħ jinżamm fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli.

Wara li sema’ s-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat u ra l-ordni tat-trattament maħruġ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, il-Magistrat Caruana ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Huwa ordna li l-akkużat jinżamm arrestat fl-Isptar Monte Carmeli biex jingħata l-kura meħtieġa waqt li ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Andrew Agius Bonello.