Kummerċ Lokali

L-HSBC jappoġġja proġett tal-arti performattiva għat-tfal b’kollaborazzjoni mal-FES

Il-Bank HSBC Malta qed jappoġġja proġett ekstrakurrikulari, operat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES), is-servizz Klabb 3-16. Dan is-servizz hu għat-tfal ta’ bejn it-3 u s-16-il sena li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja jew indipendenti. Klabb 3-16, li jiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lit-tfal, bil-ħiliet ta’ stima personali, kunfidenza u kreattività, hu proġett li jikkonsisti f’sessjonijiet ta’ drama mtellgħa minn Centrestage Malta.

Ix-xahar li għadda, iċ-ċentru Żabbar A Klabb 3-16, iċċelebra t-tmiem tas-sessjonijiet tad-drama bi preżentazzjoni mimlija divertiment. Din il-preżentazzjoni ittellgħet quddiem il-ġenituri u l-qraba tat-tfal, kif ukoll fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, id-Direttur Eżekuttiv u Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju ta’ HSBC Malta, u l-Kap Eżekuttiv tal-FES.

Dawn l-esperjenzi kulturali u edukattivi ta’ titjib u tagħlim ġew implimentati ukoll b’suċċess fiċ-ċentri ta’ Klabb 3-16 ta’ Ħal Qormi San Bastjan, Ħal Luqa, iż-Żurrieq u l-Fgura. Il-programm kien mifrux fuq għaxar sessjonijiet f’kull ċentru u laħaq total ta’ 120 tifel u tifla. Ir-rispons tal-ġenituri kien wieħed pożittiv ħafna, b’rimarki li t-tfal ibbenefikaw bil-kbir, hekk kif permezz ta’ dawn is-sessjonijiet tad-drama, setgħu jesperjenzaw b’mod ħaj id-dinja vibranti tal-kreattività u l-espressjoni.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-kollaborazzjoni bejn il-Bank HSBC Malta u l-FES qed tfittex li tindirizza l-kwistjoni prevalenti ta’ nuqqas ta’ għarfien kulturali fost it-tfal, kaġun ta’ ħin limitat għall-attivitajiet ekstrakurrikulari, sforz il-ħin twil li l-ġenituri tagħhom jispiċċaw iqattgħu fil-post tax-xogħol. Il-programm inħoloq b’mod metikoluż biex mhux biss iservi ta’ divertiment għat-tfal iżda wkoll ikattar ħiliet li huma meqjusa bħala importanti bħal fil-każ tal-iffokar, ir-rispett lejn l-oħrajn u l-ħila li l-istess tfal jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ divertiment mingħajr l-użu diġitali, biex b’hekk isaħħu l-iżvilupp emozzjonali u soċjali tagħhom.

Din l-inizjattiva taqbel mal-impenn tal- HSBC Malta biex jikkatalizza bidla soċjali fil-pożittiv permezz ta’ sforzi edukattivi. B’mod konsistenti, HSBC dejjem wera d-dedikazzjoni tiegħu għat-trawwim taż-żerriegħa tal-edukazzjoni u l-iżvilupp fir-relazzjonijiet soċjali. L-HSBC jemmen bis-sħiħ fil-qawwa trasformattiva tal-għarfien u l-ħiliet biex ikunu magħġuna l-mexxejja ta’ għada.