Elezzjonijiet 2024 Lokali

L-ilsien Malti għandu jkun promoss bħala simbolu nazzjonali minn KM Malta Airlines – David Agius

Wara li l-ġimgħa l-oħra, id-deputat parlamentari u kandidat tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Agius kiteb lill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, Olvin Vella; u lill-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Norma Saliba; dwar il-fatt li KM Airlines eskludiet il-lingwa nazzjonali, il-Malti, mir-rekwiżiti għall-ekwipaġġ li jaħdem magħha, issa waslu r-risposti.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti informa lil David Agius li lura fl-1 ta’ Jannar 2024, KM Malta Airlines talbet politika lingwistika lill-Kunsill tal-Malti. Il-Kunsill bagħtilhom il-politika fil-21 ta’ Marzu. Din il-politika tikkunsidra s-sitwazzjoni bilingwi ta’ pajjiżna waqt li tippromwovi l-Malti bħala simbolu nazzjonali, stqarr il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Risposta oħra waslet mingħand iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti li huwa tal-fehma li l-Malti għandu jibqa’ jintuża mill-membri tal-ekwipaġġ billi jingħata preċedenza fuq l-Ingliż u/jew lingwi oħrajn.

Fi stqarrija David Agius qal li jidher li minkejja dawn il-pożizzjonijiet ċari, hemm titjiriet li l-ekwipaġġ ma jafx jitkellem bil-Malti. Huwa qal li se jkun qed jintervjeni fil-Parlament biex dan in-nuqqas serju jkun indirizzat fil-Parlament ukoll.