Internazzjonali

L-Italja: Mejtin u midruba wara splużjoni f’Bologna

L-iskwadri għall-emerġenza fiz-zona ta’ Bologna mhumiex jistennew li jsibu l-ħajjin wara splużjoni kbira li qerdet parti kbira tal-faċilità idro-elettrika għall-produzzjoni tal-enerġija li tinsab maġenb ix-Xmara Suviana.

Mietu talanqas tlieta f’din it-traġedja, b’ħamsa oħra jisfaw midruba u b’numru oħra ta’ nies ma jidhrux aktar wara l-isplużjoni…Ilkoll persuni li x’aktarx iridu jingħaddu mal-vittmi.

Il-faċilità għall-enerġija ħadra u nadifa hi tal-Grupp Enel li hu l-akbar distributur tal-elettriku u l-gass fl-Italja.

Il-vittmi, il-midruba u l-persuni rappurtati nieqsa kienu kollha tekniċi mqabbdin mill-kuntratturi esterni għax-xogħol u numru ta’ proġetti f’dik il-faċilità. Intant, it-tfittxija għan-nieqsa saret ikkumplikata minħabba li ħafna sezzjonijiet tal-faċilità spiċċaw mgħarrqin wara l-isplużjoni f’waħda mit-turbini ewlenin.