Lokali Qorti

Mhux milqugħ appell ta’ suldat li allega diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Robert Mangion u Grazio Mercieca, ikkonfermat sentenza tal-Ewwel Qorti u ċaħdet appell ta’ suldat li allega li saret diskriminazzjoni kontrih meta ma ngħatax promozzjoni li qal li kien ħaqqu.

Carmel Parnis kien wieħed minn 19-il suldat li fetħu kawża kontra l-Prim Ministru u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn allegaw li nqabżu fil-promozzjonijiet. 18-il suldat ieħor kienu ċedew il-kawża qabel inqatgħet, iżda Parnis baqa’ jsostni li nqabeż sakemm fil-21 ta’ Marzu 2019 il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħditlu t-talba.

Fid-deċiżjoni hi rrimarkat li ma rriżultalhiex kemm ġabu punti s-suldati li ngħataw promozzjoni u għalhekk ma setgħetx tqabbel il-punti li ġab Parnis ma’ tagħhom u tgħid min kellu jieħu l-promozzjoni. Parnis appella u sostna li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ma kkunsidratx li kurunell fl-armata qallu li sakemm idum hu ma kienx se jingħata promozzjoni.

Il-Qorti tal-Appell kkonkludiet li mhux veru li l-Ewwel Qorti ma tatx kas dawn l-allegazzjonijiet u qalet li dawn ma rriżultawx li kienu minnhom. Żiedet li n-nuqqas ta’ Parnis li ma talabx li jiġu esebiti l-‘assessments’ tal-kandidati promossi wassal biex l-Ewwel Qorti ma setgħetx tqabbel il-punti u ddeskriviet dan bħala nuqqas ta’ prova essenzjali.