Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ammetta li ħa €13,151 f’benefiċċji soċjali li ma ħaqqux

Qed ikomplu jitressqu l-Qorti aktar persuni b’rabta mar-racket ta’ serq u frodi tal-benefiċċju soċjali. Raġel ta’ 32 sena residenti l-Ħamrun, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u ordnat biex jirrifondi €13,151 li ħa bi frodi b’dannu għall-Istat Malti. Clint Camilleri ammetta li wettaq dan ir-reat bejn Diċembru 2021 u Ottubru 2023 u l,i ffroda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnatlu jħallas lura €2,000 fi żmien tliet xhur u €150 kull xahar fix-xhur ta’ wara. Huwa kien akkużat bi tmien akkużi li jinkludu falsifikazzjoni ta’ dokumenti, illi meta jiġu preżentati
wieħed jista’ jirċievi bihom ħlas, b’xi att pubbliku tal-Gvern.

Ammetta wkoll li għamel użu minn kitba jew skrittura falza, li ta dikjarazzjoni falza jew ċertifikat falz, li għamel użu ta’ ismijiet foloz, u qligħ ta’ aktar minn €5,000 bi ħsara tad-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Caruana Darmanin.