Basketball Sport

Starlites jirbħu l-kampjonat tan-nisa taħt it-23 sena

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Colin Schembri

Starlites…………59

Luxol……………..43

(12-11)(21-17)(10-13)(16-7)

Starlites żammew it-titlu ta’ champions fil-kategorija tan-nisa ta’ taħt it-23 sena meta fit-tielet finali deċiżiva, għelbu lil Luxol 59-43. Luxol ħassew ferm in-nuqqas ta’ żewġ players titolari, Shanice Farrugia u Sarah Fenech Pace. Quddiem attendenza numeruża, iż-żewġ timijiet offrew partita missielta u kienet run deċiżiva ta’ 11-0 fil-bidu tal-aħħar sessjoni li qalbet il-miżien favur Starlites.

Wara l-ewwel basket tal-partita minn Mariah Fenech għal Starlites, Luxol wieġbu b’sitt punti mingħajr risposta minn Vanya Baldacchino u Lisa u Anna Fenech Pace. Starlites kellhom l-ewwel trippla tal-partita minn Mikela Riolo, u wara li għal xi ħin iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin, trippla ta’ Catherine Cilia qabel intemmet it-taqsima poġġiet lil Starlites fuq quddiem 12-11.

Luxol fetħu tajjeb fit-tieni sessjoni b’seba’ punti b’żewġ trippli kollha minn A. Fenech Pace. Wara time-out, Starlites irkupraw u kienu huma li għamlu run ta’ 12-0 bi trippli minn Michela Zammit Cordina u Andie Saliba. Luxol waqqfuhom b’basket ta’ L. Fenech Pace u trippla ta’ Baldacchino, però Starlites ukoll kellhom trippla oħra minn Saliba biex daħlu jistrieħu 33-28 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 8 punti bil-baskets minn Philippa Riolo u Zammit Cordina. Trippla ta’ Jada Said fetħet ir-rimonta ta’ Luxol li rathom jaslu sa punt ‘il bogħod 37-38. Starlites wieġbu b’basket ta’ Fenech u trippla oħra ta’ Saliba biex temmew it-taqsima 43-41 minn fuq.

Il-bidu tal-aħħar sessjoni kien deċiżiv għaliex Starlites għamlu run ta’ 11-0 li bdewha bi trippla ta’ Saliba u tliet baskets ta’ Zammit Cordina biex fir-raba’ minuta fetħu vantaġġ ta’ 13-il punt għal 54-41. Luxol ippruvaw jiġu lura u għamlu ħames punti mingħajr risposta, però trippla ta’ P. Riolo temmitilhom kull tama hekk kif Starlites bdew jiċċelebraw ir-rebħ tal-partita u tal-kampjonat.

Fi tmiem il-partita, is-Sur Mark Paul Borg flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana, ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Starlites, Mikela Riolo, fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom.

Starlites: C. Cilia 3, M. Riolo 8, A. Saliba 21, E. Degiorgio, M. Zammit Cordina 13, C. Vella 2, M. Fenech 6, Y. Ferrando, M. Sciberras, P. Riolo 6, M. Majkowska, J. Formosa.

Luxol: V. Selvaggi, L. Fenech Pace 14, H. Galea, E. Abela 2, M. Camilleri, J. Said 5, V. Baldacchino 10, S. Sciberras 4, M. Marmara. A. Fenech Pace 13.

Referees: Nicky Azzopardi, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic

It-tim ta’ Starlites jiċċelebra bit-Tazza (Ritratt: Timmy Cutugno)