Lokali

Tberbiq tal-Gvern: €9,740 miljun dejn u €590,000 f’interessi kuljum – PN

Malta bir-raba’ l-ogħla defiċit fost l-Istati Membri kollha tal-UE

“Sal-aħħar ta’ Diċembru, id-dejn ta’ pajjiżna kien ta’ €9,740 milljun. Dan ifisser €910 miljun aktar minn dak li kien sal-aħħar ta’ Diċembru 2022. €4,000 miljun ta’ dan id-dejn saru taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.”

Dan sostnieh ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini hekk kif insista li dawn iċ-ċifri mhux qed jgħidhom il-Partit Nazzjonalista, iżda l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Huwa saħaq li sal-aħħar ta’ Dicembru 2023, l-ispejjeż tal-imgħax fuq dan id-dejn kien jammonta għal €214-il miljun, jiġifieri żieda ta’ €41 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

“Dan ifisser li l-interessi li pajjiżna qed iħallas fuq dan id-dejn huma ta’ aktar min €4 miljun kull ġimgħa jew €590,000 kuljum.”

Bencini spjega li fl-aħħar Budget, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li kien qed jippjana li jissellef kważi €1,000 miljun ieħor fl-2024, li jfisser li l-ispejjeż għoljin tal-imgħax li diġà qed iħallas pajjiżna se jiżdiedu aktar.

Huwa sostna li fl-2022, il-Gvern għalaq is-sena b’defiċit ta’ €982.2 miljun, li jfissru 5.7% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan ifisser li Malta rreġistrat ir-raba’ l-ogħla defiċit fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, fejn id-defiċit medju fl-2022 kien 3.3%.

“Dan hu ta’ tħassib anke għax, skont rapporti fil-mezzi tax-xandir, dalwaqt se jerġa’ jintlaħaq qbil biex mekkaniżmi relatati mas-sostenibbiltà fiskali fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa jerġgħu jidħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej. Id-dejn kollu hu mażżra ma’ wliedna u wlied uliedna.”

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jwaqqaf immedjatament it-tberbiq ta’ fondi pubbliċi u li għandu jikkontrolla n-nefqa rikorrenti mhux sostenibbli tiegħu, kif intqal ukoll mill-Fond Monetarju Internazzjonali, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.