Lokali

Zerafa Civelli mhux inkwetata bis-sitwazzjoni tal-karozzi tal-linja

Is-Segretarju Parlamentari u membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, Alison Zerafa Civelli, mhux inkwetata għall-fatt li f’pajjiżna kellna jew għad għandna karozzi tal-linja fit-triq, jagħtu servizz, li allegatament għandhom il-brejkijiet bil-ħsara.

L-iskandlu feġġ wara li ġie ppreżentat protest ġudizzjarju ffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, fejn supervisor tal-Malta Public Transport qed jinsisti li saret pressjoni minn fuq biex jinħarġu karozzi tal-linja fit-triq minkejja li dawn kienu bil-ħsara – fosthom bi brejkijiet ma jaħdmux sew. Minħabba li hu baqa’ jirriffjuta li japprova l-vetturi bil-ħsara, spiċċa qala’ diversi warnings.

Għaldaqstant l-Erbgħa filgħodu staqsejna lil Alison Zerafa Civelli jekk tinkwetahiex din is-sitwazzjoni tal-karozzi tal-linja. Is-Segretarju Parlamentari tinsisti li l-importanti hu li ċ-ċittadini jaslu x-xogħol komdi.

B’Zerafa Civelli tispiċċa tistqarr li quddiem dan l-iskandlu, hi mhix qed tinkwieta.

Il-Malta Public Transport qed tibqa’ tiċħad dawn l-allegazzjonijiet serji – minkejja li fost oħrajn fil-protest ġew ippreżentati ritratti bħala prova tal-ħsarat f’diversi vetturi, kif ukoll chats li juru kif kienet qed issir pressjoni fuq il-ħaddiema. F’mument minnhom, b’mod surreali, kien hemm miktub li qalulhom: jekk xi ħadd iweġġa’, don’t worry!