Internazzjonali

Biden iwiegħed appoġġ assolut lil Iżrael hekk kif qed tikber il-possibbiltà li l-Iran jattakka lil dan il-pajjiż

Appoġġ assolut.

Hekk wiegħed il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, lil Iżrael hekk kif żdied ir-riskju li l-Iran jattakka lil Iżrael, wara li dan attakka lis-Sirja għaxart ijiem ilu. Waqt li żied jgħid li l-Istati Unti se tkun qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tipproteġi s-sigurtà ta’ Iżrael.

Minn naħa tiegħu, il-Mexxej tal-Iran Ayatollah Ali Khamenei qal li l-attakk ta’ Iżrael f’Damascus kien ekwivalenti għal attakk fuq l-Iran stess, u għalhekk se jkun hemm riperkussjonijiet kbar. L-attakk ta’ Iżrael fuq is-Sirja ħalla 13-il persuna mejta, inkluż mexxejja militari Iranjani.

Waqt li Iżrael ma refax ir-responsabbiltà għall-attakki tal-1 ta’ April, huwa mifhum li hu kien il-moħħ wara l-attakki.

Intant, dawn il-kummenti tal-President Joe Biden lill-ġurnalisti ngħataw jum wieħed biss wara li l-istess President ikkritika l-istrateġija tal-gwerra ta’ Netanyahu, u talab għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.