Lokali

Bżonn ta’ azzjoni immedjata fuq il-kriżi tal-għoli tal-ħajja – PN

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar naraw Gvern ma jagħmel xejn biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, li tolqot lil kulħadd, speċjalment dawk bi dħul baxx u l-vulnerabbli, li qed jitkissru xahar wara l-ieħor.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister Ivan Castillo qal li l-istatistika tal-NSO turi li aktar minn 60% tal-ħaddiema Maltin full-time lanqas biss jersqu qrib il-paga medja f’Malta. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta qed jiġu affettwati b’mod negattiv min-nuqqas ta’ rieda politika li jsir dak li hemm bżonn.

Huwa saħaq li kull xahar, stħarriġ wara l-ieħor qed juri li l-poplu jibqa’ jgħid lill-Gvern li mhux jagħmel biżżejjed u li aktar minn 63% jibqgħu jaraw il-kriżi tal-għoli tal-ħajja bħala l-aktar li tinkwetahom.

“Il-Partit Nazzjonalista hu konxju bħalma hu konxju l-poplu li jrid isir aktar. Sfortunatament m’hemmx rieda politika li dan isir mill-Gvern Laburista. Il-propaganda, il-manipulazzjoni tal-istatistika u l-infiq ta’ fondi pubbliċi bħal €132,000 għar-reklamar tal-iskema Stabbilta’, saru l-prijorità u l-poplu jibqa’ jistenna soluzzjonijiet konkreti.”

Ivan Castillo, li hu x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja, saħaq li hu tal-mistħija kif dan il-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni falza li beda l-gwerra fil-prezzijiet meta ma kellux x’jaqsam xejn magħha. Kienet iż-żieda ta’ aktar kompetizzjoni f’suq li diġà densa, żied il-kompetizzjoni, kif spjega l-Partit Nazzjonalista, fejn semma’ li l-Gvern se jipprova jieħu l-mertu ta’ dan.

“L-esperti jaqblu li Stabbiltà li jammonta għal 0.01% tal-prodotti mit-total ta’ prodotti disponibbli fis-supermarkets ma jibdewx gwerra fil-prezzijiet.”

Spjega li rapport tal-KPMG turi li l-pagi reali llum baqa’ l-istess ammont ta’ ħames snin ilu, hekk kif l-għoli tal-ħajja kiel iż-żidiet fil-pagi, jiġifieri familji ma jistgħux jaffordjaw l-istess oġġetti jew kwalitajiet ta’ qabel. Din ħolqot diffikultajiet finanzjarji għall-familji, li studju tal-Università ta’ Malta sab li kienu aktar stressanti mill-mewt ta’ membru tal-familja.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li dan mhux limitat biss għall-oġġetti tal-ikel, bil-kriżi tal-għoli tal-ħajja affettwat firxa wiesgħa ta’ oġġetti, fosthom l-assigurazzjonijiet tal-karozzi li rduppjaw, is-servizzi u l-mediċini. Illum in-nies għandhom anqas ‘disposable income’ biex ilaħħqu ma’ dawn iż-żidiet u l-Gvern mhux preparat biex jindirizzaha.

“Il-fatt li l-produttività ma żdiditx imma naqset mill-2012 ‘l hawn u qegħda taħt il-medja taz-Zona Ewro, kif tidher fl-istatistika tal-Eurostat based labour Productivity per person, ukoll turi li l-Gvern Laburista falla u m’għandux pjan ċar biex tkun indirizzata. Din tibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista, b’soluzzjonijiet ċari fil-viżjoni ekonomika tagħna u proposti maqbula mal-imsieħba soċjali kollha.”

Il-Partit Laburista hu xott mill-ideat, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħti tama lil min tilifha. Li nużaw il-fondi pubbliċi biex ngħinu lil dawk li li għandhom bżonnha u biex tindirizza din il-kriżi billi jserraħ ras il-poplu li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ħolistika, li tinkludi numru ta’ proposti:

• Iż-żieda tal-COLA m’għandhiex tkun taxxabbli;

• Krediti ta’ taxxa lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel għaż-żieda tal-COLA;

• Ikun maħluq fond nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-ispejjeż;

• Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

Żmien il-buzz words u l-propaganda spiċċa, saħaq ix-Shadow Minister Nazzjonalista, u saħaq li l-poplu jisħoqqlu gvern li jindirizza l-problemi reali.