Lokali Mużika

Earth Garden jirritorna f’Malta għas-17-il edizzjoni b’iżjed attrazzjonijiet 

Noel D’Anastas

Il-festival Earth Garden ser ikun qiegħed jittella’ f’pajjiżna għas-17-il edizzjoni fuq medda ta’ erbat ijiem bejn nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju u l-Ħadd 9 ta’ Ġunju, f’Ta’ Qali, fiz-zona tal-picnic area. Earth Garden huwa meqjuż wieħed mill-akbar festival alternattiv fl-Ewropa. Bħall-edizzjonijiet ta’ qabel, Earth Garden jilqa’ fih diversi artisti internazzjonali u pjattaforma għall-artistrija lokali fi stili World Music, Techno, House, Dub, Drum & Bass, Funk, Ska, Hip-Hop u Psychedelic Trance.

Waqt il-festival ta’ din is-sena se jkun hemm madwar 140 artist, fosthom il-band rock psikadeliku Britanniku Kula Shaker li kien sploda fl-1996 bl-album ‘K’. Bejn l-1996 u l-1999 kellhom diversi singles fl-aqwa 10 tal-klassifika Ingliża, fosthom ‘Tattva’, ‘Hey Dude’, ‘Govinda’, ‘Hush’, u ‘Sound of Drums’. Il-lista ta’ esponenti internazzjonali se tinkludi wkoll l-electro-folk band mill-Ukrajna GO_Ad, u d-DJ Set, Groove Armada. Il-lista ta’ bands lokali hija waħda kumplessa li tinkludi lil Tribali, Xtruppaw u ManaTapu.

Xi ħaġa ġdida f’din l-edizzjoni se jkun is-’secret stage’ li dawk li se jattendu għall-festival se jmorru għalih minn mina twila 40 metru.

Apparti l-aspett mużikali, l-edizzjoni ta’ din is-sena ser tara zona dedikati għall-familji bit-tfal bl-isem ta’ Earth Kidz, kif ukoll parti li fiha familji jistgħu jagħmlu camping. L-attrazzjonijiet għat-tfal jinkludu wkoll inizjattivi minn Heritage Malta marbutin mal-arti kulinarja u l-kultura, avventura maġika, circus juggling, talent shows pubbliċi, silent discos u attivitajiet marbutin max-xjenza minn Esplora.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, u l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment.