Lokali

Għandha tittieħed azzjoni immedjata – PN

L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jistgħux jibqgħu jabdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom u għandhom jieħdu azzjoni kontra Joseph Muscat u Keith Schembri minnufih.

Ix-Shadow Minister Karol Aquilina qal dan hekk kif saħaq li s-sentenza li ngħatat ilbieraħ mill-Imħallef Lawrence Mintoff tgħid ċar u tond kif ġab ruħu Keith Schembri waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Issa, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Kummissarju Angelo Gafà għandhom sentenza miktuba, iswed fuq l-abjad, li turi li Keith Schembri abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u ħadem kontra l-interessi ta’ pajjiżna u tas-sigurtà taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Huwa saħaq li għalhekk, Buttigieg u Gafà għandhom iqumu mir-raqda u jagħmlu dak li messhom ilhom li għamlu – imexxu kontra Joseph Muscat u Keith Schembri llum qabel għada.

Fil-kariga tiegħu ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri kien soġġett għall-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali (Kap. 50 tal-Liġijiet ta’ Malta). Taħt din il-liġi, il-kxif ta’ informazzjoni, dokument jew oġġett ieħor li jkollu x’jaqsam mas-sigurtà jġorr miegħu piena ta’ priġunerija.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Keith Schembri kien xehed bil-ġurament li kulma għamel meta kien Chief of Staff kien għamlu bil-permess tal-Prim Ministru tiegħu, Joseph Muscat.