Lokali

“Il-Gvern jipprova jqarraq u jieħu kreditu ta’ xi ħaġa wara li ġie ordnat jaġixxi mill-Qorti” – PN

Illum, il-Ministru Michael Falzon ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern ta min jeddu l-flus dovuti lill-eks ħaddiema tal-PBS. Il-verità hija li l-ħlas sar biss wara li l-Qorti ordnat lill-Gvern jagħmel dan u mhux bil-volontà tal-Gvern. Tant hu hekk li, wara li nqatgħet il-kawża, oriġinarjament il-Gvern Laburista kien appella minn din is-sentenza.

Hekk saħqu Claudette Buttigieg ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete u Ivan Bartolo ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda kontra l-Faqar, waqt li komplew jgħidu li kieku l-Gvern kien sinċier fil-ħsieb tiegħu li jagħti l-flus, kien jirrinunzja l-każ qabel u jagħmel il-ħlasijiet meħtieġa mingħajr bżonn ta’ ordni mill-Qorti.

Fi Stqarrija Buttigieg u Bartolo qalu wkoll li r-realtà hi li matul l-aħħar 11-il sena, il-Gvern Laburista pprova jiffranka u evita l-ħlas ta’ dawn il-flus billi pprolonga l-każ fil-Qorti. Minkejja li l-Ministru ppreżenta dan bħala inizjattiva li tagħmel parti mill-programm elettorali tal-Labour, dan il-ħlas kien wieħed obbligatorju skont deċiżjoni tal-Qorti u mhux riżultat ta’ azzjoni volontarja mill-Gvern.