Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, tat xahrejn żmien biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinformaha jekk hux se jitressqu aktar membri tal-Korp tal-Pulizija b’rabta mal-mewt ta’ Richmond Tong ta’ 35 sena, li kien tilef ħajtu waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija fid-depot, il-Floriana.
Dan wara li tliet pulizija li kellhom jixhdu fil-każ, għażlu li ma jixhdux biex ma jinkriminawx lilhom infushom. Fil-fatt, l-Avukat tagħhom Herman Mula qal li dawn se jeżerċitaw id-dritt legali tagħhom fid-dawl tal-fatt li għad m’hemmx direzzjoni ċara min-naħa tal-prosekuzzjoni dwar jekk hux se jittieħdu passi kriminali kontrihom.
Tong, mill-Imtarfa, miet wara li skont il-Pulizija kien tah fit fil-lock-up tad-Depot tal-Pulizija fl-24 ta’ Ġunju, 2020, ftit sigħat wara li kien arrestat fuq suspett ta’ pusses ta’ kokaina. Wara rriżulta li l-mewt ta’ Tong seħħet permezz ta’ puplesija. Huwa kien instab kmieni filgħodu fejn kien ittieħed id-depot wara li kien arrestat fir-Rabat u ttieħed fl-għassa tal-lokal.
Il-familjari ta’ Richmond Tong, kienu bdew proċeduri għall-kumpens għall-mewt ta’ binhom, fejn qed jisħqu li l-istat huwa responabbli għall-mewt tiegħu. Il-każ ta’ jekk hux se jitressqu aktar membri fil-Korp tal-Pulizija ħareġ hekk kif kellha tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-ispettur Stacy Gatt ta’ 29 sena minn Ħaż-Żebbuġ, u s-Surġent ta’ 36 sena Karl Vella Cassia mir-Rabat, li huma akkużati bil-qtil involontarju ta’ Tong.
Fil-Qorti rriżulta li dawn it-tliet Pulizija kienu xehdu fl-inkjesta fl-2020, u s-seduta tal-Ħamis kienet intiża sabiex jiġi dikjarat jekk humiex se jittieħdu passi legali fil-konfront tagħhom jew le. Madankollu, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Daryl Borg, qalet li mhux f’pożizzjoni li tinforma lill-Qorti jekk humiex se jitressqu aktar membri tal-Korp tal-Pulizija b’rabta mal-każ.
L-Avukat Franco Debono li qed jidher għall-familjari tal-vittma, qal li din il-kawża ilha għaddejja u li l-Korp tal-Pulizija kellu biżżejjed żmien sabiex jiddeċiedi hux se jieħu passi fil-konfront ta’ dawn ix-xhieda jew le. Kien hawn li l-Ispettur Borg informa lill-Qorti li m’għandhomx tagħrif dwar jekk hux se jittieħdu passi kontra dawn ix-xhieda.
Il-Qorti, minn naħa tagħha, qalet li qed tqis li din il-kawża ilha għaddejja mill-2021 u li għalkemm sar ħafna xogħol fiha, mhijiex se tippermetti aktar dewmien u li għadu mhux deċiż jekk jittiħdux passi fil-konfront tal-imsemmija xhieda.
Għalaqstant, qal il-Maġistrat Caruana, il-Qorti qed titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex b’mod definittiv jiddikjara jekk humiex se jittieħdu passi kriminali skont l-imsemmija xhieda jew uħud minnhom. u dan preċiżament sabiex il-ġustizzja tkun tista’ ssir fi żmien raġonevoli sabiex il-kawża tkun tista’ tiġi deċiża fi żmien raġonevoli b’rispett lejn id-drittijiet funadamentali tal-akkużati u tal-parti civile.
Il-kawża ġiet differita sabiex il-prosekuzzjoni tiddikjara l-pożizzjoni tagħha u tat żmien xahrejn biex tingħata risposta lill-Qorti, bil-każ issa jkompli fl-24 Ġunju fil-11am. F’xhieda preċedenti, l-Ispettur Alfred Cachia qal li kien staqsa lil Tong jekk kellux bżonn tabib, u qallu li le.
Kien qal li Tong ma kienx jidher li kellu bżonn tabib. Ikkonferma li ħadd ma nfurmahom b’xejn dwar Tong u li minn tfittxijiet li għamlu fuq il-persuna ta’ Tong qabel daħluh fiċ-ċella, ma nstab xejn. Xehed li staqsewh jekk jiħux medikazzjoni u jekk ħax xi ħaġa, u Tong qalilhom li ma ħax.
Kuntistabbli li kien xehed ukoll f’seduta oħra, meta kien mistoqsi kif kien deher Tong meta twassal il-lock-up, qal li f’għajnejh, deher normali u f’siktu. Hu u kollega tiegħu għamlu ronda kull kwarta, u lil Tong staqsewh iridx te jew xi ħaġa, u qalilhom le. Staqsewh anki jekk jixtieqx jara tabib u qal li m’għandux bżonn.
Xehed li kien xħin għajjatlu kollega tiegħu għall-ħabta tat-tlieta u nofs, indunaw li Tong kellu bżonn għajnuna u kienu t-tobba li ċċertifikawh mejjet.
L-Avukat Joe Giglio qed jidher għal Vella Cassia filwaqt li l-Avukat Gianella de Marco qed tidher għal Gatt. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-familjari tal-vittma.
//= $special ?>