Lokali

Il-Ministru Jonathan Attard iċekken l-appelli tal-perit li rreżenja mill-BCA għax “bdew iġibu l-burokrazija qabel is-saħħa”

Kollox għadu status quo fuq il-binja l-ġdida tal-Qorti f’Għawdex

“Dik hija opinjoni tiegħu.”

Hekk sostna l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, responsabbli wkoll mir-riforma tal-Kostruzzjoni – b’rabta mal-istqarrija li għamel il-perit Robert Ellul Sciberras meta rriżenja minn membru tal-bord tal-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni.

Fl-ittra ta’ riżenja tiegħu, Ellul Sciberras insista li l-BCA  kienet qed iġġib l-affarijiet burokratiċi qabel is-saħħa u s-sigurtà.

Għaldaqstant Net News staqsa lil Jonathan Attard dwar dan, bil-Ministru jiċħad dawn l-allegazzjonijiet u jċekken għal kollox l-istqarrija tal-perit.

Mal-aħbar tar-riżenja ta’ Ellul Sciberras, il-President tal-Kamra tal-Periti Andre Pizzuto saħaq li t-tluq tiegħu hija indikazzjoni ċara li l-BCA mhux qed tikkonsulta mal-aktar nies kompetenti fil-qasam … u ddeskriva lill-Awtorità bħala waħda magħmula mingħajr għarfien tal-industrija.

Madanakollu, il-Ministru huwa tal-fehma li l-ħsieb tiegħu u tal-Kamra tal-Periti mhux qed jikkontrastaw.

Intant, Net News staqsa lill-Minsitru dwar it-telf ta’ evidenza mill-kamra tal-eżebiti fil-Qorti ta’ Malta – fost oħrajn żewġ laptops – fejn hawnhekk huwa insista biex jinħatru żewġ inkjesti maġisterjali u oħra amministrattiva …biex b’mod mill-aktar surreali jiġi investigat kif sparixxiet din l-evidenza.

Staqsejna wkoll lil Jonathan Attard dwar il-wegħda tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ …numru 883, ċioè dik tal-binja ġdida għal Qorti t’Għawdex. Il-Ministru l-ewwel ma kellux idea x’wiegħda hi, u sussegwentament ikkonferma li l-proċess għadu għaddej.

Din il-wegħda issa l-Għawdxin ilhom jisimgħuha snin sħaħ fejn saħansitra lura fl-2016 kienet approvata binja ġdida fir-Rabat Għawdex mifruxa fuq sitt sulari …liema proġett imbagħad twarrab għalkollox.

Il-Ministru issa qed jisħaq li l-proċess għat-tender u biex tingħażel binja ideali …għadu għaddej.