Lokali

Il-Ministru Micheal Falzon ma jwiġibx dwar l-iskandlu tal-karozzi tal-linja

Il-kumpanija Malta Public Transport qed tgħid li kienu b’kollox ħdax il-vetturi li ġew identifikati fil-Protest Ġudizzjarju u li allegatament kellhom ħsarat jew difetti; disgħa minnhom tneħħew mit-toroq fuq ordni ta’ Transport Malta. Tnejn oħra, kienu diġà twaqqfu għall-maintenance.

Iżda l-verità hi, li dawn il-11-il karozza tal-linja tħallew iġorru l-passiġieri b’riskju kbir għal ħajjithom. Mhux talli ħadd ma għamel xejn, talli meta supervisor prova jitkellem qalulu biex ma jinkwetax.

Wara li feġġ dan l-iskandlu, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qaltilna li mhix inkwetata, u issa l-Ministru Micheal Falzon qed jgħid li m’għandux xi jgħid fuq din l-istorja. Minkejja li staqsejnieh mill-ġdid, il-Ministru insista li ried jitkellem biss fuq il-PBS; it-tema tal-konferenza tal-aħbarijiet li sejħilna għaliha.

Jidher li l-pressjoni tal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali kif ukoll il-pressjoni li qed issirlu wara li ma tax garanzija li fi żmien 20 sena oħra l-ħaddiema se jkollhom il-pensjoni, qed tagħmel tagħha. Dan hekk kif il-Ministru nfexx f’attakk fuq il-ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon li kienu qed jagħmlu xogħolhom.

Intant, wara li ġie ppreżentat il-Protest Ġudizjarju dwar l-iskandlu tal-karozzi tal-linja, ħareġ ċar kif saret pressjoni minn fuq biex supersvisor partikolari jħalli l-karozzi tal-linja fit-triq minkejja li dawn kienu bil-ħsara u meta dan is-supervisor baqa’ jirrifjuta li japprova l-vetturi bil-ħsara, spiċċa qala’ diversi warnings.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Malta Public Transport qed tgħid li se tiftaħ kawża lis-supervisor, u assiguraw li fis-servizz tal-linja m’hemmx il-problemi li ssemmew.

Minkejja dan, Transport Malta ordnat li tal-linja – dawk li għandhom difetti – jitneħħew mit-triq immedjatament.