Ewropa Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew jikteb l-istorja b’liġijiet ġodda dwar l-immigrazzjoni u l-ażil

"Bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà" - il-President Roberta Metsola

F’dak li qed jiġi deskritt bħala pass storiku, il-Parlament Ewropew approva sett ta’ liġijiet ġodda li jirregolaw kif l-Unjoni Ewropea tindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni u l-ażil. Dan hu pass bla preċedent hekk kif il-liġijiet il-ġodda għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u mhux biss f’pajjiżi li jesperjenzaw wasliet tal-immigranti.

F’konferenza tal-aħbarijiet wara l-vot, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dan hu mument storiku għall-Unjoni Ewropea. “Smajna dak li qed jgħidulna n-nies, aġixxejna u llum għandna liġijiet ġodda li jindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini,” qalet Roberta Metsola.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, u l-Prim Ministru tal-Belġju Alexander de Croo, hekk kif il-Belġju bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dawn il-liġijiet ilhom jiġu diskussi fil-fora Ewropej madwar għaxar snin, iżda kien biss fl-aħħar xhur li saru passi kbar ‘il quddiem li wasslu għal dan il-ftehim importanti. “Wegħdna sistema li tkun ġusta ma’ dawk li huma eliġibbli għall-protezzjoni, soda ma’ dawk li mhumiex, u b’saħħitha kontra t-traffikanti. Dik il-wegħda, wettaqniha,” sostniet il-President Roberta Metsola.

Hi qalet li dawn il-liġijiet mhux se jsolvu din l-isfida mil-lum għall-għada, iżda hija pass kbir ‘il quddiem għaliex se żżid u ssaħħaħ il-koordinazzjoni, u tissimplifika l-proċeduri. Hi qalet li din is-sistema se twassal ukoll biex ebda pajjiż ma jħossu li qed jitħalla waħdu f’din l-isfida.

Ursula von der Leyen irringrazzjat lil Roberta Metsola u lill-Parlament Ewropew li ħadem bla heda għal din il-ġurnata, waqt li Alexander de Croo qal li dawn il-liġijiet se jsaħħu l-kontroll tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.