Internazzjonali

Il-Vjetnam: Iffrodat l-ekwivalenti ta’ 40 biljun ewro tul 11-il sena, u issa se jkollha tħallas b’ħajjitha

Mara ta’ 67 sena – negozjanta biljunarja – kienet il-‘personalità ewlenija’ f’ġuri spettakulari li matulha kellha twieġeb għall-akkużi relatati ma’ waħda mill-akbar każi ta’ frodi bankarja li qatt rat id-dinja.

L-attenzjoni li ngħatat lill-ġuri tal-mara, Truong My Lan, irriflettiet l-iskala tar-reat u fejn hi spiċċat ikkundannata għall-mewt talli frodat wieħed mill-akbar banek fil-Vjetnam tul perjodu ta’ mhux anqas minn 11-il sena.

Il-mara hi fost l-akbar negozjanti u spekulaturi tal-art f’pajjiżha u l-proċess tal-qorti fil-belt ta’ Ho Ci Minh, f’dan il-każ, wasal verdett mill-aktar rari li jesiġi l-piena massima. Fil-fatt, Truong My Lan hi biss waħda minn ftit nisa fil-Vjetnam li qatt spiċċaw ikkundannati għall-mewt għal reat immotivat minn impenn għall-qligħ finanzjarju fuq skala enormi.

Intant, Truong My Lan instabet ħatja li ħadet ‘il fuq mill-ekwivalenti ta’ 40 biljun ewro f’self mingħand is-Saigon Commercial Bank – u bil-verdett jesiġi biex hi tirritorna bejn 25 u 30 biljuni minn dik is-somma.

U waqt li l-prosekuturi għandhom dubji kbar li jistgħu xi darba jirkupraw dawn il-flus, xi osservaturi jemmnu li l-impożizzjoni tal-piena kapitali kapaċi tkun ‘miżura tal-qorti biex tinkoraġġixxi lill-mara ħalli tirritorna parti minn dik is-somma inkredibbli’.

L-awtoritajiet komunisti li qed imexxu l-Vjetnam, għal darba, kienu trasparenti ħafna fl-informazzjoni  li żvelaw lill-media internazzjonali.Dan wara li ttellgħu mal-2,700 biex jagħtu x-xhieda marbuta mal-każ li kien jinvolvi wkoll għaxar prosekuturi tal-Istat u madwar 200 avukat.