Internazzjonali

Iżrael: Possibbiltà akbar ta’ attakk imminenti mill-Iran li jżid il-problemi fil-Lvant Nofsani

L-Istati Uniti qed twissi li l-Iran jista’ qed jaħseb biex iwettaq attakk imminenti u sinifikanti fuq Iżrael wara li fl-Ewwel ta’ April, inqatlu tlettax-il persuna waqt azzjoni militari fuq il-konsulat tal-Iranjani fis-Sirja. Iżrael fl-ebda ħin ma assuma responsabbiltà iżda hu kkunsidrat li l-azzjoni twettqet proprjament mill-qawwiet tiegħu u bħala parti minn pjan speċifiku.

Fost il-vittmi ta’ dak l-attakk kien hemm diversi kapijiet militari, fosthom il-Ġeneral Mhammad Reza Zahedi, kmandant ewlieni mal-Quds, li hi qawwa elit tal-Iranjani bbażata fis-Sirja u l-Libanu.

aqt li l-Iran jista’ jinsab qrib ħafna ta’ ritaljazzjoni fil-konfront ta’ Iżrael, il-President Amerikan Joe Biden, minkejja d-differenzi mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu rigward il-gwerra f’Gaza, qal li pajjiżu qed jimpenja ruħu biex jipproteġi ‘mija-fil-mija’ lis-sigurtà tal-Iżraeljani.

It-tensjoni  bejn Iżrael u l-Iran irrankat wara li l-Ayatollah Ali Khamenei, waqt diskors f’nofs il-ġimgħa, qal li l-attakk fuq il-konsulat ta’ pajjiżu f’Damasku għandu jitqies bħala ‘attakk dirett fuq l-Iran’. Ayatollah, fl-istess ħin, enfasizza l-impenn ta’ pajjiżu biex iġiegħel lil Iżrael ‘iħallas għal dik l-azzjoni’.

Madankollu, ħadd għadu jaf  fuq liema skala kapaċi sseħħ xi ritaljazzjoni potenzjali min-naħa tar-reġim f’Tehran.

Hu ċert, intant, li kwalunkwe sitwazzjoni fejn l-artijiet u l-ibliet tal-Iżraeljani jintlaqtu minn attakk għandha bilfors twassal għal eskalazzjoni kbira tal-konflitt fil-Lvant Nofsani. Reġjun  li għaddej mill-aktar żmenijiet perikolużi u inċerti fl-istorja.

Fl-istess ħin, l-analisti u l-esperti dwar il-kapaċitajiet tad-difiża qegħdin jaqblu li l-Iran ‘xorta waħda’ għad m’għandux il-kapaċità militari għal konfront sinifikanti u fit-tul mal-qawwiet ta’ Iżrael.

Iżda mhux eskluż li l-Iran jista’ jqabbad lill-grupp Ħeżbollah, magħmul mill-militanti Lebaniżi Xiti, biex ‘jagħmel xogħlu’ u jieħu ħsieb xi attakk sinifikanti kontra Iżrael. Dan meta l-Ħeżbollah, l-istess bħall-Iran, hu impenjat biex jeqred lill-Istat ta’ Iżrael minn fuq il-mappa – b’dawn il-militanti Xiti u l-Iżraeljani, minn jum għal jum, qed jintensifikaw il-bumbardamenti fuq l-artijiet ta’ xulxin min-naħat opposti tal-fruntiera.

Il-Ħeżbollah hu ħafna aktar kapaċi biex imexxi kampanja militari mill-grupp Ħamas tat-terroristi Palestinjani bbażat f’Gaza,

Min-naħa tiegħu, Joe Buccino, Eks Direttur għall-Komunikazzjoniiet mal-Kmand Ċentrali tal-militar Amerikan, wassal il-messaġġ li l-Ħeżbollah irid ikun rispettat għall-kapaċitajiet militari tiegħu, speċjalment ladarba għandu l-mijiet tal-eluf tal-missili u r-rokits li kapaċi jolqtu anki l-ibliet fin-Nofsinar ta’ Iżrael.