Lokali

Jipprova jevita t-traffiku u jikser il-minkeb ta’ kull id

Involut f'inċident serju mal-mument li l-karreġġjata tar-roti tieqaf ħesrem

Żagħżugħ li għażel li minflok joqgħod imwaħħal fit-traffiku jaqdef minn lokalità għall-oħra, spiċċa involut f’inċident serju tant li kiser iż-żewġ idejn.

Ilbieraħ ħafna rrappurtaw traffiku kbir madwar Malta kollha matul il-ġurnata kollha u kien għalhekk li Jordan Galea Pace għażel li jitlaq mis-Swieqi lejn l-Imtarfa permezz tar-rota tiegħu. Iżda, xħin wasal fi Triq il-Balal, fil-Għargħur, il-karreġġjata tar-roti waqfet ħesrem b’riżultat li kellu joħroġ fil-karreġġjata tal-vetturi l-oħra, direzzjoni lejn in-Naxxar.

Kien hawnhekk fejn Galea Pace beda jħoss il-karozzi wisq viċin tar-rota tiegħu, b’waħda minnhom kienet tant qrib li kellu jagħfas mal-bankina. Kien hawnhekk fejn ir-rota qabdet il-bankina b’riżultat li spiċċa waqa’ minn fuq ir-rota.

Testijiet li saru fil-klinika tal-Mosta u anke fl-Isptar Mater Dei kkonfermaw li huwa kien kiser il-minkeb ta’ kull id mal-impatt.

Jordan Galea Pace appella lill-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Ministru Chris Bonnet, sabiex minnufih jieħdu l-infrastruttura bis-serjetà qabel ikun tard wisq.