Lokali Qorti

Kroat mixli bi frodi u li kiser ordni ta’ manteniment jikkontensta mandat ta’ arrest Ewropew

Robert Lukadinovic, Kroat ta’ 47 sena, ikkontesta fil-Qorti mandat ta’ arrest Ewropew li ħareġ fil-konfront tiegħu wara li pajjiżu qed jitlob għall-estradizzjoni tiegħu fuq każijiet ta’ frodi u ordni li jħallas il-manteniment lil uliedu. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi.

Il-Qorti ta’ pajjiżu qed tgħid li Lukadinovic wettaq frodi ta’ €18,500 għad-dannu tal-kumpanija ‘Masterplast’ f’pajjiżu mill-perjodu tat-22 ta’ Awwissu, 2016, għal 20 ta’ Ottubru tal-istess sena. Il-mandat ta’ arrest Ewropew jgħid li jekk jinstab ħati f’pajjiżu, il-massimu tal-piena għall-frodi hija ta’ 10 snin ħabs.

L-awtorijiet Kroati qed jgħidu li l-intenzjoni ta’ Lukadinovic kienet li kellu l-ħsieb li jqarraq b’xi ħadd taħt pretensjonijiet foloz. Fuq in-nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment huwa qed jiġi akkużat li wettaq dan ir-reat bejn is-16 ta’ Jannar tal-2018 u t-2 ta’ April tal-2019 meta kellu jgħaddi €146 lil bintu u kważi €120 lil ibnu, u minkejja li kien konxju li kellu jimxi ma’ din l-ordni u l-fatt li ma ħallashomx, kien ifisser li kien qiegħed iwettaq reat.

Il-Qorti tal-Kroazja qed tallega li b’kollox f’manteniment kellu jagħti s-somma ta’ madwar €5,700, li fil-Kroazja jfissru massimu ta’ tliet snin ħabs. Fil-bidu tal-kawża, l-Ispettur Roderick Spiteri li ressaq lill-Kroat, għadda lill-Maġistrat Kevan Azzopardi diversi dokumenti relatati mal-każ, fosthom dwar l-identità tal-akkużat.

L-Avukat Jacob Magri, li flimkien mal-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal Lukadinovic, qal li d-difiża ma kenitx qed tikkonstesta l-identità tal-klijent tagħha u li lanqas f’dan l-istadju ma kienet se titlob għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża, iżda, qalet li kienet se tikkontesta l-mandat ta’ arrest Ewropew u li fis-seduta li jmiss se ġġib il-provi relatati mal-każ.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, qalet li l-każ issa għandu jgħaddi għand il-Maġistrat Leonard Caruana biex jisma’ l-provi fil-25 ta’ April f’11.45am.