Lokali

L-abort se jibqa’ kompetenza nazzjonali minkejja l-isforzi mill-MEPs Laburisti Maltin – David Casa

MEP Laburista jivvota favur l-abort

“Robert Abela għandu jwieġeb ċar fuq l-abort.”

Sostna dan l-MEP Nazzjonalista David Casa hekk kif spjega li r-riżoluzzjoni li talbet li l-abort jiġi inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet ivvutata llum waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, fi Brussell.

Ir-riżoluzzjoni ġiet kofirmata mill-MEP tal-Partit Laburista Cyrus Engerer. F’kummenti wara l-vot, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa stqarr:

“Sforzi kostanti biex jintlaqtu l-kompetenzi nazzjonali fejn jidħlu l-liġijiet tal-abort huma destinati li jfallu. Dawn il-proposti huma f’kunflitt mat-Trattati li jistgħu jiġu emendati biss b’unanimità. L-ebda riżoluzzjoni mhi se tbiddel dan. Iżda huwa kundannabbli li l-MEPs tal-Partit Laburista stess qed imexxu l-isforzi biex jitolbu li l-abort jiġi impost fuq il-poplu ta’ Malta u Għawdex.”

Fil-perjodu ta’ qabel l-addiżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-gvern ta’ dak iż-żmien kien innegozja salvagwardji b’saħħithom biex jiżgura li kwistjonijiet bħal dawn ma jiġux sfurzati fuq il-poplu Malti kontra r-rieda tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-Protokoll 7 tat-Trattat ta’ Adeżjoni.

“Il-pożizzjoni tal-PL dwar l-abort hija diġà dubjuża wara t-tentattivi moħbi biex jiddaħħal is-sena l-oħra meta ġew proposti bidliet fil-kodiċi kriminali li sussegwentement ġew miġbuda lura bħala riżultat ta’ rabja pubblika. Robert Abela għandu jkun nadif u jistqarr b’mod ċar jekk jappoġġjax l-azzjonijiet tal-MEPs tiegħu fil-Parlament Ewropew meta wieħed minnhom iffirma r-Riżoluzzjoni u minn delegazzjoni ta’ erba’ MEPs, nofshom biss ivvutaw kontriha.”