Internazzjonali

L-Awstrija: Imutu fost valanga qalb l-Alpi fil-provinċja ta’ Tirol

L-iskwadri għall-emerġenzi bħalissa għaddejjin b’missjoni intensiva ta’ search and rescue qalb il-muntanji fil-Punent tal-Awstrija fejn, aktar qabel, mietu tal-anqas żewġ persuni wara li kaxkrithom valanga.

It-traġedja seħħet qalb l-Alpi ta’ Otztal, fil-provinċja ta’  Tirol u fejn numru ta’ persuni ħelsuha ħafif b’ħajjithom.

Ir-rapporti qalu li l-valanga tal-borra kopriet zona ta’ aktar minn 80 metru qrib il-villaġġ ta’ Vent, li jinsab viċin ħafna tal-fruntiera mal-Italja. Dan ukoll meta mifhum li kien hemm tal-anqas 20 persuna fiz-zona tal-Alpi li ġarrbet l-akbar impatt tal-valanga.

Dawn in-nies kienu parti minn grupp ta’ Olandiżi li kienu qed jipparteċipaw fi sport tax-xitwa – u bir-rapporti jgħidu li l-vittmi ma kellhom l-ebda ċans li jsalvaw mill-valanga tal-borra,  f’għoli ta’ 2,500 metru.

Is-servizzi għall-emerġenzi fil-preżent għadhom fl-inħawi tal-valanga u fejn hemm ukoll preżenza kbira tal-Pulizija Alpini li marru hemm bil-klieb imħarrġin biex isibu lin-nies mitlufin qalb il-borra.