Lokali Mużika

Memorji: Vjaġġ fil-Passat Mużikali t’Għawdex

minn Noel d'Anastas

Kantanti Għawdxin se jerġgħu jippreżentaw vjaġġ mużikali nostalġiku ieħor fil-kunċert li se jtellgħu nhar is-Sibt 13 ta’ April, fi Pjazza San Franġisk, fir-Rabat, fid-9pm,.

Memorji, fit-tieni edizzjoni tiegħu, se jenfasizza l-wirt mużikali għani tal-gżejjer Maltin, b’attenzjoni speċjali lejn mużika lokali u internazzjonali minn dawn l-aħħar ħames deċennji.

Din is-sena, Memorji se jinkludi lil John Cassar (magħruf bħala il-Cash), Pamela Bezzina, Rosabelle Pavia, u Emanuel Rapa, b’sett speċjali minn DJ Terra.

Il-Cash ilu għal żmien twil parti integrali mix-xena mużikali live t’Għawdex, filwaqt li l-kantanta u l-għalliema vokali professjonali Pamela hija stabbilita sew fil-qasam tagħha. Magħhom se jingħaqdu s-sopran Rosabelle Pavia, sinonima ma’ Għawdex Illum għal ħafna snin; u Emanuel Rapa, magħruf għall-mużika folk u l-argunett u ħu l-mibki Alfred Rapa, li hu stess kantant u kittieb tal-kanzunetti.

Il-kantanti se jkunu akkumpanjati mill-band ta’ Memorji ffurmata minn Mark Grech (bass), Pawlu Portelli (drums), John Cutajar (pjanu) u Jonathan Camilleri (kitarra). Il-kunċert jagħlaq b’sett ta’ DJ Terra – għall-Maltin u l-Għawdxin li kienu jiffrekwentaw il-Grotta fis-snin 90 u l-bidu tas-snin 2000, żgur m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni.

Memorji se jkun qed jagħti ħajja ġdida lill-kanzunetti kważi minsija tas-snin 70 u 80, b’arranġamenti mużikali ġodda għall-udjenza tal-lum. Fil-fatt, matul ix-xhur li għaddew, Richard u ħuh Mark Grech ħadmu fuq arranġamenti mużikali ġodda għall-kanzunetti komposti minn missierhom Domenic Grech u l-band tiegħu, The Tramps, u kanzunetti oħra Għawdxin li kważi ntesew. Dawn jinkludu ‘Ċensu l-Malti Katarin’ ta’ Alfred Rapa, li biha rebaħ il-Festival tal-Kanzunetta Maltija tal-1996; ‘Gżira tal-Ħolm’ ta’ Rosabelle Pavia; u ‘Qalb Waħda’ ta’ The Tramps.

Il-kunċert se jinkludi wkoll il-kanzunetta ‘Sinjur Ġib il-Paċi’ ta’ The Tramps, b’arranġament imniedi waqt is-serata tal-ftuħ tal-Milied f’Għawdex u esegwit ukoll fl-edizzjoni ta’ Mużika Mużika ta’ din is-sena.

Memorji huwa kunċert b’xejn organizzat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.