Lokali Qorti

Mhux ħati li bi traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi lil tfajla li tajjar f’San Ġiljan

Christopher Mifsud ta’ 43 sena mill-Fgura, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li fl-24 ta’ Awwissu ta’ tliet snin ilu, bi traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi fuq tfajla ta’ 18-il sena li huwa tajjar waqt li kienet qed taqsam it-triq, f’San Ġiljan. Dan wara li t-tfajla ammettiet li ma qasmitx miz-zebra crossing li kien hemm fil-viċin filwaqt li hi rat il-karozza riesqa fid-direzzjoni tagħha.

Pulizija xehed li meta mar fuq il-post, ra tfajla taħt vann. Aktar tard ġiet identifikata bħala Kolombjana, residenti s-Swieq. Qal li minn stħarriġ irriżultali hi kienet qed taqsam it-triq ftit ‘il fuq mill-kantuniera u mhux minn fuq zebra crossing.

Il-vittma xehdet li kienet sejra d-dar wara li kellha interview għall-impjieg. Sostniet li ttajret minn vann u x-xufier prova jibqa’ jsuq, iżda kien hemm nies li qalulu li hemm mara taħtu. Hi kkonfermat li ma qasmitx miż-zebra crossing iżda ħarset qabel qasmet it-triq. Qalet li s-sewwieq qed isuq b’veloċità qawwija u li meta bdiet taqsam, ix-xufier żied fil-veloċità.

Il-Qorti, ikkunsidrat li l-imputat ma xehedx, kif kellu d-dritt jagħmel, u ma ngħatax id-drittijiet tiegħu li jkun assistit minn avukat meta ta l-verżjoni tiegħu lill-Pulizija. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tiegħu mal-Pulizija ma ttiħditx f’kunsiderazzjoni.

Il-Qorti nnotat ukoll li l-Prosekuzzjoni ma ppreżentatx filmati tal-cameras tas-CCTV li juru l-inċident, u li kemm mix-xhieda tal-Pulizija kif ukoll minn tal-vittma ġie kkonfermat li fil-viċin hemm zebra crossing iżda hi ma għamlitx użu minnha.

Qalet li l-vittma kkonfermat li qasmet minkejja li rat vettura ġejja. Il-Qorti qalet li l-inċident ġie kkaġunat mill-vittma għax ma qasmitx miż-zebra crossing u qasmet meta rat il-vann ġej. Għaldaqstant, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ma sabitx lis-sewwieq ħati u illiberatu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.