Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna feriti gravi fuq sieħbu

Micheal James Taylor ta’ 38 sena minn Stoke-on-Trent, l-Ingilterra, ġie mixli li fil-Mellieħa kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi waqt argument ma’ sieħbu. Il-prosekuzzjoni qalet li l-argument inqala’ wara li ż-żewġt irġiel kienu qed jixorbu l-inbid u jgħumu fil-pixxina tar-residenza tal-akkużat.

Mal-pulizija, il-vittma qal li kif tela’ mill-pixxina, intilef minn sensih. Qal li meta ġie f’sensih sab lil sieħbu jipprova joħodlu ħwejġu. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat u l-vittma ġew fl-idejn, bl-akkużat ġab sikkina u hedded lill-sieħbu.

Il-vittma tant beża’, li qabad ħwejġu u ħareb mir-resdenza. Huwa tkellem mal-pulizija dwar dak li allegatament ġara ħamest ijiem wara. Taylor, li qal lill-Qorti li jaħdem bħala Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-gaming, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha għat-talba minħabba l-biża’ ta’ intraċċ ta’ provi. Id-difiża qalet li l-vittma għamel ir-rapport jiem wara l-allegat reat, u minn meta sar ir-rapport sal-ġurnata li l-akkużat tressaq, ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn il-partijiet.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-pleġġ mill-arrest bil-kundizzjoni li l-akkużat jiffirma l-għassa tal-Qawra tliet darbiet fil-ġimgħa, jiddepożita s-somma ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000 . Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Federico Barbaro-Sant mill-ufficċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Warren Galea. Għall-akkużat dehru l-Avukati Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb.