Lokali

Pressjoni biex tiżdied il-Pensjoni Minima Nazzjonali

Iridu aktar konsultazzjoni qabel ċertu deċiżjonijiet meħuda mill-banek

L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti qed titlob sabiex tiġi riżolta l-kontroversja relatata ma’ dawk li twieldu mill-1962 ‘il quddiem. Dan, hekk kif qed tiżdied il-pressjoni biex tiġi finalizzata din il-kwistjoni b’mod sodisfaċenti.

Din il-pożizzjoni ttieħdet waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali li saret mill-Għaqda tal-Pensjonanti.

F’din il-konferenza, issemma’ kif id-diskriminazzjoni bejn il-pensjonanti għandha tingħalaq għalkollox fuq perijodu qasir ta’ żmien. Għalkemm imbagħad, hemm il-problema tal-pensjoni tas-servizz li għadha akuta minħabba l-pass kajman li bih qed tiġi trattata min-naħa tal-Gvern.

Fl-istess konferenza ġiet approvata riżoluzzjoni fejn l-anzjani qed jitolbu li tkun assigurata żieda fil-Pensjoni Minima Nazzjonali, li l-anzjani jkollhom kura tas-saħħa ta’ kwalità, li tkun fil-ħin u affordabbli, u li tiġi eliminata kull xorta ta’ diskriminazzjoni meta anzjan jagħżel li jerġa’ jibda jaħdem.

Apparti minn hekk, il-pensjonanti jridu aktar konsultazzjoni meta l-banek jieħdu deċiżjonijiet li jaffetwawhom.