Sport

Riżultati tajbin għal Malta fil-Kampjonati tal-Commonwealth tal-Judo

Il-Federazzjoni Maltija tal-Judo organizzat il-Kampjonati tal-Commonwealth tal-Judo, 30 sena minn meta Malta kienet organizzat dawn il-kampjonati.

Il-kampjonati fetħu bil-Kampjonati Veterani u l-Kampjonati Ne-Waza fejn fil-passat ebda Malti ma kien ikkompeta f’kategorija Veterani.

Fl-ewwel konfront,  Joseph Castillo ttella’ kontra Sohail Mukhtar tal-Ingilterra u Joe Millar tal-Irlanda ta’ Fuq fil-kategorija ta’ taħt l-81kgs. Iż-żewġ Judoka ta’ kontrih kienu minn kategorija iżgħar, peress li Castillo ma kienx ikkontestat. Minkejja li ma rebaħx, din kienet esperjenza mill-aqwa. Il-kontestant veteran l-ieħor kien tliet darbiet rebbieħ tal-midalja tal-bronż tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar, Ruben Micallef, li rritorna fid-90kgs. Micallef iġġieled kontra Scott Mayne mill-Irlanda ta’ Fuq u William Baker minn Jersey. Din hi esperjenza għal Micallef, li qed jikkunsidra li jikkompeti fil-Kampjonati tad-Dinja u Ewropej tal-Veterani.

Saret ukoll l-ewwel Kompetizzjoni tal-Judo ta’ Ne-Waza. F’din is-sessjoni, il-logħob kollu jsir fuq l-art, mingħajr li l-parteċipanti jqumu bilwieqfa. Il-Judoka veteran Keith Darmanin ikkontesta l-kategorija ta’ taħt is-66kgs. li rebaħ id-deheb wara li għeleb darbtejn lill-Ingliż Edward Semple. Din kienet l-ewwel midalja tad-deheb fil-Kampjonati tal-Commonwealth 2024 għal Malta, u l-ewwel midalja tad-deheb għal Malti f’tournament tal-Judo Ne-Waza.

Parteċipanti minn disa’ pajjiżi kkontestaw dawn iż-żewġ sessjonijiet.