Lokali Qorti

Tliet snin u nofs ħabs wara li qabbad garaxx

Indjan ta’ 29 sena li joqgħod Ħal Għaxaq, ġie kkundannat tliet snin u nofs ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li ammetta li qabbad garaxx fil-kumpless Garden of Eden, f’Ħal Għaxaq, stess.

Kirandev Thaivvalappil Babu, kien mixli li f’Lulju tas-sena l-oħra ta n-nar lill-garaxx b’mod li seta’ qabbad ħruq f’bini ieħor li seta’ kien hemm in-nies fih.

Hu kien akkużat ukoll li għamel ħsara li qabżet l-ammont ta’ €2,500. Fil-bidu tal-proċeduri r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, iżda fil-bidu ta’ dan ix-xahar, informa lill-Qorti li kien biddel fehmtu u kien se jammetti.

Il-Qorti talbitu jerġa’ jikkonferma l-ħtija tiegħu fid-dawl tal-akkużi miġjuba kontrih li jġorru konsegwenzi serji u piena ta’ priġunerija. Hu kkonferma l-ħtija tiegħu wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu. Apparti s-sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs, ir-raġel ġie ordnat iħallas €22,792 lill-Garden of Eden fi żmien tliet snin u jħallas ukoll €1,001 fi spejjeż tal-Qorti fi żmien tliet snin ukoll.