Elezzjonijiet 2024 Lokali

Traffiku u tniġġiż frott l-inkompetenza tal-Gvern Laburista – PN

Fl-aħħar jiem ħarġet iktar minn qatt qabel l-inkompetenza tal-Gvern fejn tidħol il-kwistjoni tat-traffiku. Dan hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi, jum wara l-ieħor qed ikompli jinqabad fi traffiku kbir f’kull ħin tal-ġurnata.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, f’Ħal Luqa mix-Shadow Ministers, Mark Anthony Sammut, Joe Giglio u David Agius u mill-Kunsilliera Nazzjonalista, Andrew Cassar u Frederick Aquilina …il-PN tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-biża’ li qed naraw fit-toroq Maltin.

Mark Anthony Sammut spjega kif taħt il-Labour rajna toroq li kontinwament jinqalgħu biex ftit wara  jerġgħu jsiru mill-ġdid. Sitwazzjoni li qed twassal għal ħafna ħela ta’ ħin fit-traffiku u tniġġiż ma jaqta’ xejn.

Joe Giglio qal li s’issa għadha ma ngħatat l-ebda soluzzjoni għall-infrastruttura ta’ pajjiżna. Bi problemi fi tliet aspett; dak finanzjarju, dak tat-traffiku, u dak ambjentali.

Minn naħa tiegħu, il-kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew David Agius fisser kif fl-aħħar snin rajna Gvern Laburista b’nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali u kien hawnhekk fejn appella għal pjanar serju sabiex dawn is-sitwazzjonijiet jiġu evitati minnufih.

Din il-ġimgħa pajjiż sħiħ spiċċa iġġamjat fit-traffiku minħabba nuqqas ta’ pjanar minn naħa tal-Gvern; għaliex triq li kellha tiftaħ fil-5am, spiċċa fetħet aktar minn tliet sigħat wara – fl-eqqel tar-rush hour. Bil-Ministru jgħid li dan seħħ minħabba problemi fil-konkos.